Oliver Chandler Kassim, ta’ 19-il sena, mir-Renju Unit inħeles mill-arrest wara li wieġeb li mhux ħati li attakka xufier ta’ taksi lbieraħ filgħaxija.
Fuq il-Facebook kien kiteb l-allegat vittma, li spjega kif kien qed isuq lill-imputat lejn il-Mellieħa, meta f’nofs triq l-imputat allegatament beda jagħtih daqqiet b’oġġett iebes.
Wara li l-Pulizija investigat dan il-każ, allegatament instabet il-kartiera tal-imputat fil-karozza tal-allegat vittma.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat. Ġie spjegat li l-imputat allegatament attakka lill-vittma mingħajr ebda raġuni, u ssemma anke l-fatt li l-imputat għandu konnessjonijiet ma’ diversi pajjiżi oħra, u għalhekk hemm il-biża’ li jaħrab.
Id-difiża spjegat li jekk il-verżjoni tal-allegat vittma, li tkellem mal-midja, hija vera, din ma tispjegax il-fatt li l-imputat għandu diversi tbenġil ma’ dahru u oħra viċin ta’ għajnejh.
Intqal ukoll li l-imputat kien fil-kustodja tal-Pulizija, u li meta huma fittxuh, ma nstabu ebda armi. Lanqas wara l-allegat reat, ma nstabet ebda arma. Dan, sostniet id-difiża, imur kontra dak li ntqal mill-allegat vittma fuq il-midja u fuq il-midja soċjali.
Id-difiża stqarret li l-imputat m’huwiex periklu għall-vittma biss, għax dan kien allegat reat serju, u apparti minn hekk intqal li l-imputat qal lill-Pulizija hu stess li huwa jiġi f’Malta u jitlaq.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet u l-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fuq l-allegat vittma.