Dean Dagless ta’ 48 sena se jitressaq il-Qorti f’Leeds mixli li t-Tlieta qatel lil St John Lewis, raġel ta’ 47 sena ta’ nisel Malti, b’daqqiet t’arma taqta’ u bil-ponta fl-Ingileterra.
Nies f’Leeds li kien jafu lil StJohn iddeskrivewh bħala raġel b’qalb tad-deheb, ta’ rispett kbir, u ġar tajjeb.
F’kummenti mat-Times of Malta, missier il-vittma, Alfie Lewis ta’ 72 sena li joqgħod Ta’ Xbiex, spjega li sar jaf bil-qtil ta’ ibnu permezz ta’ telefonata minn Fay Dowson, il-maħbuba ta’ St John.
Rapporti fil-midja Ingliża qalu li fuq il-post tal-aggressjoni ssejħu ambulanza u air ambulance u r-raġel ingħata l-kura fuq il-post kif ukoll ittieħed l-isptar.
Però dan kien kollu ta’ xejn. Il-missier sostna li mhux se jitlob li ġisem ibnu jinġieb Malta għad-difna, u żied jgħid li se jkun kremat u l-fdalijiet tiegħu jitpoġġew f’ċimiterju f’ Leeds. L-istess post fejn tpoġġew il-fdalijiet ta’ ommu li mietet tliet snin ilu bil-kanċer.
Alfie Lewis żied jgħid li ibnu ma kienx jista’ jinżel Malta ta’ spiss minħabba xogħlu, imma kienu jitkellmu kważi kuljum. Minbarra r-raġel akkużat bil-qtil ta’ St John, ġiet arrestata wkoll mara ta’ ħamsa u erbgħin sena bis-suspett li kienet involuta fil-qtil. Però inħelset fuq police bail.