Tonio Sant u Daniel Buhagiar huma żewġ inġiniera Maltin, li flimkien mat-tim tagħhom, għamluha fost il-finalisti li ntagħżlu għall-Premju Ewropew għall-Inventuri ta’ din is-sena minn fost aktar minn ħames mitt kandidat.
Dawn l-inġiniera ġew rikonoxxuti għaliex ħolqu sistema li taħżen l-enerġija u tippermetti li l-provvista tal-enerġija elettrika ġġenerata mill-windfarms fuq il-baħar tkun aktar stabbli u prevedibbli.
Din l-invenzjoni tuża l-ilma baħar biex tiġbed is-sħana mill-arja ikkompressata, u b’hekk tissimplifika s-sistema u żżid l-effiċjenza.
It-tim Malti se jikkompeti fil-kategorija tar-Riċerka kontra tim mill-Ġermanja u tim minn Franza.
Ir-rebbieħa se jitħabbru fid-disgħa ta’ Lulju f’pajjiżna stess, hekk kif Malta se tospita ċ-ċerimonja tal-Premju għall-Inventur Ewropew għall-ewwel darba fl-istorja.