“Ingħatajna ħafna, għax l-enerġija hi parti sostanzjali mill-ispiża tal-lukandi u r-ristoranti.”
Din kienet ir-reazzjoni tas-Sur Tony Zahra, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, b’rabta mal-Baġit għas-sena 2024, li ġie ppreżentat illum.
Dwar is-sussidji fis-settur tal-enerġija, li se jammontaw għal €350 miljun fuq perjodu ta’ sena, Zahra qal li kieku l-Gvern ma kienx qed jagħmel tajjeb għal dawn il-piżijiet, kien ikollhom jagħmlu tajjeb għalihom is-sidien tal-lukandi u r-ristoranti.
Huwa elenka dan ukoll maż-żieda fil-mekkaniżmu tal-COLA, li jgħin biex jikkumbatti l-għoli tal-ħajja.
Meta mistoqsi dwar l-Iskills Card proposta mill-Gvern, Zahra sostna li għad iridu jsiru diskussjonijiet mal-Ministru tat-Turiżmu, sabiex jiġu ċċarati punti dwarha.
Dwar il-miżuri marbuta mad-diġitalizzazzjoni huwa qal li din hija xi ħaġa tajba li l-assoċjazzjoni taqbel magħha.
Il-President tal-MHRA laqa’ wkoll il-miżuri mħabbra b’rabta mal-ispazji ġodda ħodor li dawn jitgawdew kemm mit-turisti kif ukoll mill-poplu Malti u Għawdxi.