Fil-Parlament, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li ngħata il-kuntratt għat-tfassil tat -tender għall-bini ta’ sptar ġdid tal-psikjatrija.
“Beda issa, allura, ix-xogħol ta’ dokumentazzjoni biex issa, fis-snin li ġejjin, ikollna dan l-isptar il-ġdid tal-kura psikjatrika li se jkun parti mill-kampus ta’ Mater Dei,” qal il-Ministru.
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li fiċ-Ċentru tas-Saħħa Ċensu Moran f’Raħal Ġdid, se jkun hemm dipartiment sħiħ iddedikat għas-saħħa mentali.
“Nista’ nħabbar li, fix-xhur li ġejjin, meta fl-ewwel nofs tas-sena li ġejja jiftaħ iċ-Ċentru kbir Ċensu Moran f’Raħal Ġdid, hemmhekk se jkun hemm dipartiment sħiħ għall-kura tas-saħħa mentali barra minn Monte Karmeli, kif ukoll se jkun hemm unit iddedikat apposta għal kura ta’ persuni bid-dementia.”
Il-Ministru għas-Saħħa qal li l-ħidma tal-Gvern f’dan is-settur tinqasam fi tnejn.
“Aħna ħadna bil-maqlub u żewġ prinċipji kardinali; l-ewwel nett l-inklussività, jiġifieri inti jekk għandek problema ta’ saħħa mentali ma toħodiex xi mkien separat qisek għandek xi ħaġa illi m’għandux min għandu mard ieħor; l-inklussivita u li nagħtu l-kura tas-saħħa fil-komunità u mhux fl-isptarijiet tagħna.”
Chris Fearne innota kif il-kura għas-saħħa mentali lit-tfal u ż-żgħażagħ qed tingħata fil-komunità, fosthom f’numru ta’ bereġ madwar pajjiżna.