Raġel ta’ tlieta u tletin sena minn Bormla ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat li għal ftit ma qatilx lill-ħabib tiegħu b’xabla tas-Samuraj. Dan wara sitt ijiem ta’ abbuż mid-droga kokaina.
L-akkużat, Joseph Grech, ġie mixli wkoll li hu riċediv.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-vittma daħal fl-Għassa ta’ Bormla bi driegħu mimli demm, fejn intilef minn sensih u kellu jittieħed l-isptar.
Fix-xhieda tiegħu, il-vittma, Marco Rapinett, qal li l-akkużat kien ilu jafu sa minn tfulitu, filwaqt li żied jgħid li Grech żgur ma kienx jaf x’inhu jagħmel meta aggredih bix-xabla.
Il-Qorti tat lir-raġel il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ sebat elef ewro.