Il-proġett tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija laħaq tragward importanti ieħor, hekk kif ingħalqet l-evalwazzjoni għax-xiri u l-installazzjoni ta’ żewġ reatturi u transformer. Dan wara sejħa pubblika għall-offerti u li wasslet biex AG Installations, ikunu rakkomandati li jingħataw kuntratt li se jiswa aktar minn għoxrin miljun ewro.
Dan tħabbar fi stqarrija minn Interconnect Malta, fejn intqal li dan il-proċess se jwassal biex jiġi installat reattur fuq kull naħa tal-interconnector, jiġifieri kemm f’Ragusa fi Sqallija u l-Magħtab f’Malta.
Intqal li l-għan ta’ dawn ir-reatturi huwa li jnaqqsu l-enerġija reattiva ġġenerata mill-cable taħt il-baħar u fuq l-art, b’hekk tkun qed titjieb l-effiċjenza fit-trażmissjoni tal-enerġija minn post għall-ieħor.
Interconnect Malta, l-entità li qed tmexxi dan il-proġett, ippubblikat ukoll ir-raba’ tender.
Dwar dan ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ Interconnect Malta, Ismail D’Amato.
“Ġie ppubblikat tender li qed nirrikjedu tagħmir ġewwa Sqallija u f’Malta. Bażikament għandna bżonn nixtru switchgear biex jopera t-tagħmir li se jkun hemm fi Sqallija, li jikkonsisti fi switchgear, kemm dak hybrid switchgear u dak li huwa outdoor switchgear u fl-istess tender se jkun hemm requirement, jiġifieri nixtru fire protection equipment.”
Intqal li se tiġi aġġornata wkoll is-sistema ta’ kontroll tat-tagħmir kemm f’Ragusa u kif ukoll dik tal-Magħtab. Bl-istima ta’ dan it-tender hi ta’ tnax-il miljun ewro.
Interconnector Malta tinsab ukoll fil-proċess biex tagħlaq l-evalwazzjoni ta’ tender ieħor li jifforma parti mill-istess proġett għall-manifattura.
Il-proġett tat-tieni interconnector se jkollu tul ta’ madwar 122 kilometru, inkluż il-cable ta’ taħt il-baħar ta’ 99 kilometru.
“Dan il-proġett huwa wieħed ta’ natura kbira, allura kien jinvolvi ħafna xogħol ta’ disinn, kellna bżonn requirement tal-permetting tal-Environmental Impact Assessments f’Malta u fl-Italja. Jiġifieri kien sar stħarriġ marittimu biex naraw is-seabed ta’ minn fejn eventwalment ħa ninstallaw il-cable. Issa li wasalna fi stadju, fejn qed noħorġu t-tenders, għandna erba’ tenders minn barra u wieħed minnhom irrakkomandat għal award u dawn eventwalment ħa jkunu huma li jwasslu biex dan il-proġett jitlesta.”
Dan il-proġett li qed jiġi ko-finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea, mistenni jkun lest sas-sena 2026.