Ġew inawgurati tlieta u sebgħin vettura, inġenji u makkinarji, kollha elettriċi, li se jibdew jintużaw mid-Dipartiment tat-Tindif u l-Manutenzjoni, wara investiment ta’ aktar minn €7 miljun, ko-finanzjati minn fondi Ewropej.
Dan il-makkinarju bl-aqwa teknoloġija tal-preżent huwa kompletament newtrali mill-karbonju.
Dawn l-inġenji ġew inawgurati wara li, fl-aħħar ġimgħat, bdiet il-kampanja nazzjonali bl-isem ta’ “Inżommu Nadif Flimkien”.
Dwar dan u l-importanza ta’ dan l-investiment, ONE News tkellem mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment, Ramon Deguara.
Qal, “Jaħdem makkinarju li hu awtomatiku u hu parti minnu bir-robotika. Qegħdin nintroduċu fis-suq, fl-industrija tal-indafa b’dawn ir-robotics ukoll biex intejbu wkoll l-effiċjenza. Robot jista’ jaħdem kemm irid fil-ġurnata u dan għandu jkun kumpliment mal-ħidma li jagħmlu l-ħaddiema tagħna kollha madwar il-pajjiż. Ovvjament l-aqwa teknoloġija nkunu aktar effettivi biex pajjiżna jkun aktar nadif u mantnut f’kull ħin tal-ġurnata.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, sostna li dan l-investiment joffri aktar kwalità f’pajjiżna u sostna li dan hu investiment bla preċedent.
Qal, “Dan l-investiment li nidejna llum, li jlaħħaq is-€7 miljun se jwassal biex ikollna aktar effiċjenza u iżjed effettività fl-indafa pubblika ta’ pajjiżna. Sew jekk hux huma l-pjazez, sew jekk humiex it-toroq jew postijiet oħrajn pubbliċi, fejn hi responsabbilità tad-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni. Irridu naraw li jkollna l-aqwa servizz possibbli biex b’hekk ikollna kwalità għaż-żmien li ġej.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, li wkoll kien preżenti, tenna li dan l-investiment juri l-għan tal-Gvern li l-fondi Ewropej jintużaw favur il-ħajja ta’ kuljum tan-nies.
Qal, “Dan huwa investiment li jolqot fil-qalb ta’ dak Ii hu l-iskop tal-fondi Ewropej. Il-fondi Ewropej bih nattwaw il-politika tal-Gvern u l-politika qed tmur fuq il-qalba ħadranija, il-protezzjoni tal-ambjent, il-protezzjoni tas-saħħa u li mmorru għal qalba diġitali.”
Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana, li sostna li l-investiment favur l-ambjent ukoll se jipproteġi lill-ħaddiema.