“M’aħniex in-narraturi tal-passat, imma l-kittieba tal-ġejjieni.”
Hekk stqarr il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, f’diskors li bih temm il-konferenza ġenerali fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, bit-tema “Inġeddu Malta Pajjiżna”.
Quddiem folla sabiħa ta’ nies, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar kapitlu ġdid fl-istorja ta’ dan il-Partit. Familja waħda, b’determinazzjoni.
“M’aħniex in-narraturi tal-passat, imma l-kittieba tal-ġejjieni. Trazżnux il-ħidma tagħkom. Trażżnux l-ambizzjonijiet tagħkom. Tħallux il-progress jintefa’ mill-biża’. Raskom ’il fuq, ħarsu ’l quddiem. Kif ma beżgħux ta’ qabilna. L-istess se nagħmlu aħna. Dan il-Partit ma jistennix il-futur jiġi, dan il-Partit jiktbu hu l-futur ta’ pajjiżna.”
Dr Abela tenna li dan il-Gvern, maqgħud, emmen li jista’ jagħmel xi ħaġa aħjar quddiem sfidi li ħalla Gvern Nazzjonalista. Żmien fejn pensjonant qatt ma ra żieda fil-pensjoni, żmien fejn kienu jagħlqu l-postijiet tax-xogħol u jitilfu ħobżhom.
Il-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista mhux biss wettaq dak li ma wettaqx ħaddieħor imma wettaq ħafna iktar. Hawnhekk semma l-baġit għas-sena d-dieħla fejn se jkun aqwa minn ta’ qablu.
Huwa tenna li fiż-żmien li ġej se jkomplu jisimgħu mingħand in-nies, lesti biex jisimgħu, jiddiskutu u jiddeċiedu.
Robert Abela rrimarka li l-Partit Laburista huwa dak il-Partit fejn ħadd ma jkun minsi u dan il-Partit se jibqa’ jkun l-awtur ewlieni għal kisbiet soċjali kbar.
“Għax Partit Laburista aħjar ifisser li ħadd ma jkun minsi – la l-persuni b’diżabilità, la l-ħaddiema fuq il-paga minima, la dawk li qegħdin bil-kirjiet antiki, la dawk li qegħdin fil-qbiela, u lanqas dawk li minħabba ċirkostanzi ta’ mard ma setgħux isiru sidien ta’ darhom. Partit Laburista aħjar ifisser li nkomplu nġeddu u nirriformaw lil dan il-pajjiż. Jiena tassew kburi b’pajjiżi, li mix-xejn, il-Maltin u l-Għawdxin irnexxielhom jibnu futur b’saħħtu. Il-Partit Laburista huwa l-awtur ewlieni ta’ kisbiet soċjali kbar u se jibqa’ jkun dak l-awtur għax l-entużjażmu, l-enerġija u r-rieda biex inwettqu aktar, għadhom hemm aktar minn qatt qabel.”
Hekk kif f’dawn l-aħħar jiem il-Konferenza Ġenerali rat ħatriet ġodda għal numru ta’ karigi fl-amministrazzjoni Laburista, il-Prim Ministru sellem fost l-oħrajn lil Ian Borg, Alex Agius Saliba, u Alex Sciberras li kollha se jimbottaw il-prinċipji ta’ dan il-Partit ‘il quddiem.
Il-Prim Ministru ma naqasx milli jsellem lil dawk kollha li fil-passat taw kontribut fil-Partit u tenna kemm hu grat għal kull wieħed u waħda minnhom.
Dr. Abela temm id-diskors tiegħu b’messaġġ b’saħħtu, b’partit miftuħ għal kulħadd, b’valuri progressivi biex flimkien inġeddu Malta Pajjiżna.
“Kull min hu ta’ rieda tajba u jħaddan il-valuri ta’ dan il-Partit għandu jsib il-bieb miftuħ beraħ biex jifforma parti mill-moviment Laburista. Moviment ta’ Partit imġedded. Emmnu f’dan il-partit, emmnu f’moviment wiesa’ biex jiġbed lejh firxa wiesgħa ta’ nies, emmnu fil-valuri progressivi li jgħaqqduna, emmnu fl-abbiltà li dan il-partit li se jkompli jinbidel u jikber. Ejjew naħdmu flimkien biex l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin inkomplu nagħmluhom realtà. Hekk inġeddu Malta pajjiżna.”