Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta, ħabbar proġett fejn se jagħti spazji miftuħa lir-residenti f’ċertu ġranet matul il-ġimgħa biex jitgawdew mill-komunità. Dan il-proġett għandu l-isem ta’ ‘Ingawdu Triq Flimkien’ u l-għan prinċipali hu li l-komunità jkollha trasport sostenibbli.
It-tliet żoni prinċipali, Triq il-Vittorja, Triq il-Kbira, u Triq Dun Ġwakkin Schembri se jingħaqdu flimkien għal dan il-għan. Dan tħabbar mill-kunsilliera tal-lokalità Fiona Borg Lewis u Elke Cassar Sghendo.
Ir-residenti Qormin se jkollhom l-opportunità li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar kif il-familji jistgħu jkollhom spazju miftuħ f’dawn it-toroq.
Għal dan il-għan, tul din is-sena se jkunu qed jingħalqu dawn it-toroq biex flimkien ma’ Transport Malta jinħolqu attivitajiet vasti bħall-banda, armar tal-festa u logħob tradizzjonali. Se ssir preżentazzjoni dwar kif wieħed għandu juża t-triq b’mod sigur, meta jkun qed jivvjaġġa bir-rota jew bil-mixi.