L-istaff compliment fl-Isptar ġenerali Mater Dei u d-Dipartiment tas-Saħħa żdied qatigħ fl-aħħar erba’ snin, b’riżultat li, fost oħrajn, problemi li kienu jifnu s-sistema tas-servizzi tas-saħħa mogħtija mill-Istat illum huma prattikament ineżistenti.
Meta wieġeb mistoqsijiet tad-Deputat Laburista Silvio Grixti, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li, waqt li l-għadd ta’ tobba, speċjalisti u kirurgi preżentament hu ta’ 1,142, dak ta’ infermieri u qwiebel li hemm illum mad-Diviżjoni tas-Saħħa jlaħħaq l-2,797. F’Marzu 2013, dawn kienu jammontaw għal 1,031 u 2,395 rispettivament.
Minbarra dan, Dr Grixti wkoll talab informazzjoni u rendikonti dwar kif tnaqqsu l-listi ta’ stennija ta’ operazzjonijiet, bħal tal-katarretti, tal-irkoppa u tal-ġenbejn, u l-ħinijiet ta’ stennija fl-Emerġenza ta’ Mater Dei.
Fir-risposti dettaljati tiegħu, Dr Fearne elenka titjib sinifikanti mill-2013 lil hawn fiż-żmien ta’ stennija għat-tliet operazzjonijiet, bl-għadd relatat innifsu wkoll jonqos drastikament.
Fil-fatt, għall-operazzjoni tal-katarretti sal-aħħar ta’ Ġunju li għadda kien hemm 1,018 persuna fil-kju, qabża kbira mit-3,580 li kien hemm fil-bidu tal-2013. Dan kien riżultat tal-fatt li l-istennija f’dan ir-rigward niżlet minn tliet snin fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista għal madwar erba’ xhur illum.
Fil-każ tal-operazzjonijiet tal-ortopedija, persuni jistennew għall-bdil tal-irkoppa naqsu bi 855 u dawk għall-ġenbejn naqsu b’138 bejn Marzu 2013 u Mejju li għadda. “Nirrimarka li matul din is-sena kellna l-inqas lista ta’ stennija u kif ukoll l-inqas żmien ta’ stennija għall-hip u knee replacements tal-aħħar snin,” tenna l-Ministru Fearne.
Rigward xi progress sar fil-ħin ta’ stennija fid-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei minn meta ġew implimentati tibdiliet li l-amministrazzjoni Laburista tal-2013-2017 għamlet f’dan id-dipartiment, Dr Fearne saħaq li sal-lum dan naqas drastikament u jekk sal-bidu tal-2013 persuna riedet tistenna sa 13-il siegħa biex tinqeda, attwalment il-ħin medju ta’ stennija hu ta’ madwar erba’ sigħat. Dan jinkludi wkoll il-ħin biex issir il-viżta mit-tabib u t-testijiet neċessarji.
Il-Ministru fakkar ukoll li mill-21 ta’ Diċembru 2015, bdiet topera Emerġenza ġdida ddedikata speċifikament għall-bżonnijiet tat-tfal.