Matul il-Presidenza ta’ Marie-Louise Coleiro Preca, inġabru 68 miljun tapp u aktar minn 200 tunnellata ta’ plastik.
Dan fil-kampanja ambjentali “Nirriċikla għall-Istrina”, li permezz tagħha GreenPak tat aktar minn €93,000 lill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Din l-inizjattiva bdiet fl-iskejjel fl-2011, bil-għan li minn ċkunithom, it-tfal jitgħallmu jirriċiklaw l-iskart fl-istess waqt li jgħinu lil min hu inqas ixxurtjat minnhom.
Matul is-snin kibret u ġiet estiża għall-kumpaniji, organizzazzjonijiet u Kunsilli Lokali.
Il-Kulleġġ Għawdxi l-Iskola Primarja San Lawrenz kienet l-iskola fost il-193 li s-sena l-oħra – u għar-raba’ darba – ġabret l-ikbar ammont ta’ tappijiet.
Waqt iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni fil-preżenza ta’ min ħa sehem u min ġie mgħejjun, il-President iddeskriviet din il-kampanja bħala “ċelebrazzjoni ta’ kollaborazzjoni”.
Qalet li ħasset il-bżonn li tmexxi bl-eżempju, u filfatt tul is-snin il-Palazz ta’ San Anton implimenta miżuri ambjentali u oħrajn għal enerġija alternattiva.
“Ikkonservajna l-ġibjun tal-ilma li jesa’ 1.8 miljuni ta’ litri ta’ ilma li kien ilu ma jintuża aktar minn 30 sena u allura hemmhekk issa qed jinġabar l-ilma u minnu qed insaqqu l-ġonna, fost inizjattivi diversi għan nemmnu li tal-inqas irridu nagħtu l-kontribut,” qalet il-President.
Il-Ministru tal-Ambjent Josè Herrera qal li biex tingħeleb l-isfida tal-mod kif jiġi ġġenerat l-iskart f’pajjiżna, fix-xhur li ġejjin se titnieda skema ta’ rifużjoni ta’ fliexken tal-plastik.
“L-iskema se taħdem billi jiġu mportati magni fejn dak li jkun, minflok jarmi flixkun jew can, ipoġġihom ġo din il-magna u jieħu rifużjoni tal-flus żejda li jkun ħallas biex xtara dak il-kontenitur,” saħaq il-Ministru.
Il-kelliema ħeġġew biex aktar skejjel u kumpaniji jipparteċipaw ħalli filwaqt li jiġi ssalvagwardjat l-ambjent, jiġu mgħejjuna aktar nies vulnerabbli.