Il-Prim Ministru f’attività politika fil-Marsa tkellem ukoll dwar kif l-infrastruttura tal-pajjiż qed tinbidel minn lejl għal nhar. Saru u qed isiru proġetti kbar u oħrajn iżgħar fejn is-sena d-dieħal se jsiru 120 triq residenzjali.
“Dan il-gvern se jkun l-ewwel gvern fl-istorja… ma kien hawn ebda gvern fl-istorja li għandu pjan ta’ ħidma ċar, għandu l-flus imwarbin għal lest biex fuq seba’ snin it-toroq kollha tal-pajjiż ikunu qegħdin isiru,” qal Joseph Muscat li tenna kif bdiet tinħass il-bidla fil-qasam tat-traffiku.
Tenna li filwaqt li kien hemm sfidi u problemi l-ħidma li saret waslet għall-immaniġjar tajjeb tat-traffiku anke fl-ewwel ġimgħa tas-sena sokalistika. “Issa l-importanti we keep it up. Mhux għax morna tajjeb fl-ewwel ġimgħa nirħu fit-tieni ġimgħa,” żied Joseph Muscat li fisser kif il-pjan tat-trasport iħalli l-effett tiegħu. “Għandna ammont bla preċedent tat-tfal li kull filgħodu u wara nofisinhar għandhom servizz ipprovdut b’xejn li joħodhom mid-dar sal-iskola u lura. Ipprovdut f’xejn li qed jiffranka mijiet ta’ ewro lill-eluf ta’ familji,” qal il-Prim Ministru. Qal li l-messaġġ lit-tfal hu li wieħed l-aħjar jivvajaġġa b’mod kollettiv u għalhekk il-bidla hi waħda kulturali. Fakkar ukoll kif l-istudenti u ż-żgħażagħ kollha ta’ pajjiżna għandhom aċċess għat-trasport pubbliku b’xejn.
Semma wkoll kif l-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà wkoll mistenni jkollhom trasport pubbliku b’xejn. “Il-viżjoni tiegħi għal għaxra, għoxrin sena oħra hi li t-trasport pubbliku jkun b’xejn għal kulħadd,” żied il-Prim Ministru li fisser kif din ma tistax issir b’mod immedjat għax hemm bżonn bidla li waħda tmur mal-oħra. Tenna li hu wara li jsir investiment meħtieġ li l-pajjiż imur għal din il-miżura.
“La biex ngħamlu t-toroq u la biex ngħamlu t-trasport b’xejn m’hu qed nitolbu xejn. Imma qed inaqqsu t-taxxi. Kull min jaħdem f’pajjiżna dan is-sajf irċieva ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa,” fakkar il-Prim Ministru.
Stqarr li kien hemm min daħaq b’din il-miżura iżda dawn huma lkoll miżuri li jgħamlu d-differenza. “L-ikbar inkwiet tiegħi dan is-sajf kien li ogħla l-prezz tal-ħobż għall-familji u trid tfiehem kif bir-regoli tal-Unjoni Ewropea u kemm għax il-gvern ta’ qabel neħħa s-sussidju, ngħid jien b’mod goff għalkemm naqbel, il-prezz tal-ħobż mhux regolat u ma tistax tirregolah,” qal Joseph Muscat. “Kif ninkwieta li nara żieda ta’ ċenteżmi fuq prodott nieħu pjaċir li nibagħtu ċekk lill-persuni sabiex ngħinuhom. Dik hija l-konsistenza,” qal Joseph Muscat.
Meta tkellem dwar is-sehem tan-negozju fil-pajjiż il-Prim Ministru qal li dan il-pajjiż għandu jibqa’ jaħdem flimkien biex iġib iktar ġid. “Il-ġid iservi biex jinħoloq ix-xogħol,” kompla l-Prim Ministru li tenna kif dan ifisser li l-gvern se jkollu iktar flus biex iżid il-pensjonijiet u jinvesti fl-insfrastruttura.
Qal ukoll li rridu noħolqu x-xogħol ta’ għada u rrefera għal avvenimenti li għamlu l-Malta l-mekka tal-arti diġitali fl-Ewropa kollha.
“Kemm nieħu pjaċir nara li l-ġimgħa li ġejja se jkollna eluf ta’ persuni li se jkunu Malta biex jaraw kif Malta se ssir il-kapitali tat-teknoloġiji l-ġodda,” qal il-Prim Ministru.
Joseph Muscat sostna li l-gvern qiegħed biex imexxi u min irid imexxi jkun lest għall-ħidma anke meta jaqla’ l-kritika. Kritika li xi minn daqqiet tkun għal deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet indipendenti li l-gvern stess ma jaqbilx magħhom.
“Matul din is-sena rridu nkomplu naħdmu, inġibu ferm iktar riżultati. Għandna l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali li rridu naħdmuhom dar dar, persuna persuna. Insew dak li jingħad bin-numri,” qal Joseph Muscat li tenna li l-numri m’għandhom jimpressjonaw lil ħadd. “L-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej se jkunu elezzjonijiet kumbattuti ħafna,”żied Joseph Muscat li talab l-għajnuna tan-nies għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali tas-sena d-dieħla.