Oqbra puniċi li nstabu fuq il-lant tax-xogħol tal-mini ta’ Santa Luċija qed jiġu ppreservati bħala parti minn pjan konġunt bejn is-sovraintendenza tal-wirt kulturali u l-aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta.
Dan sabiex jiġi ssalvagwardjat il-wirt kulturali għall-ġenerazzjonijiet futuri waqt li jitwettaq il-pjan sostennibbli biex titjieb l-infrastruttura tat-toroq.
L-Inġinier Robert Schembri minn Infrastruttura Malta spjega li f’kull proġett li jista’ jkollu impatt fuq wirt kulturali jew li jista’ jwasslu għal sejbiet ta’ fdalijiet storiċi, is-Sovrintendenza tesiġi li l-iskavar u xogħlijiet oħrajn isiru taħt superviżjoni.
Huwa spjega li “Il-proċedura tal-applikazzjoni titlob li tiġi infurmata s-sovrintendenza tal-wirt kulturali u minn hemm jiskatta proċess ta’ studju u minn hemm ittina struzzjonijiet ta’ x’irridu nagħmlu fuq il-post. Normalment li jiġri huwa li teskava sa’ fuq il-blat taħt is-sorveljanza ta’ arkeoloġisti approvati mis-sovrintendenza u jekk jinstabu xi fdalijiet, xi features imbgħad isir l-eskavar iżjed dettaljat.
Kompla jispjega li fil-mini ta’ Santa Lucija ġew emendati l-pjanijiet tal-proġett sabiex l-iskoperti jkunu preservati. Is-Sur Schembri sostna: “Fil-pjanijiet oriġinali tagħna kienu se jiġu fin-nofs tas-servizzi. Meta rajna hekk taħt il-gwida tas-sovrintendenza ċaqlaqna s-servizzi u kien hemm każi fejn anke ċaqlaqna l-andament tat-triq sabiex nippreservaw l-oqbra li sibna.”
Min-naħa tiegħu is-Supretendent tal-Patrimonju Kulturali Joseph Magro Conti spjega li s-sejbiet qegħdin ikunu ddokumentati bi studji arkeoloġici li jinvolvu l-aħħar teknoloġija. Huwa spjega: “Xi kultant is-siti jinstabu fdalijiet, l-iktar komuni nsibu oqbra ta’ perjodi differenti, f’dan il-każ oqbra Puniċi jiġifieri ta’ madwar bejn wieħed u ieħor 300 sena, 400 sena qabel Kristu. Xi kultant ikunu vojta għax ikunu bagħatluhom ta’ qabilna għal diversi skopijiet imma xi kultant ikun għad fadal xi fdalijiet.”
Mistoqsi dwar il-futur ta’ dawn l-iskoperti, Magro Conti qal li wħud minnhom se jkunu ssiġġillati sabiex jiġu eżaminati bir-reqqa, b’oħrajn se jiġu mnaddfa bil-għan li jkunu jistgħu jinfetħu għall-pubbliku f’okkażjonijiet speċjali.