18-il triq residenzjali fil-Mosta qed jinbnew mill-ġdid permezz ta’ proġett tal-aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta.
Matul it-tmintax-il xahar li ġejjin, se jkun qed isir xogħol fuq toroq li tħallew fi stat ħażin ħafna u oħrajn li se jinbnew mill-qiegħ.
Fost l-oħrajn disa’ toroq residenzjali fil-qasam tad-djar fiż-żona magħrufa bħala Tad-Dib, bix-xogħol fi Triq San Silvestru u Triq il-Familja Cumbo diġà beda.
Numru ta’ toroq oħra jridu jinqalgħu biex jissaħħulhom il-pedamenti, u minn taħt l-art se jiġu mgħoddija żewġ kilometri f’servizzi tal-ilma u tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll jinbnew kilometru u nofs ta’ bankini ġodda.
It-tħaffir tat-trinek fit-triq biex jinbidlu jew isiru servizzi ġodda jibda malli jkun hemm ix-xogħol kollu ppjanat. Ġie spjegat li wara li jitlestew is-servizzi, isir il-bini mill-ġdid jew tiswijiet tal-bankini. Fejn jinstab li l-pedamenti tat-toroq huma dgħajfin wisq, jinqalgħu u jsiru mill-ġdid. B’hekk, meta fl-aħħar isir il-wiċċ b’asfalt ġdid, dan iservi aktar fit-tul. It-triq imbagħad titlesta bis-sistemi ta’ saħħa u sigurtà skont il-ħtieġa, sinjali u marki tat-triq u faċilitajiet oħrajn.
Il-Ministru Ian Borg qal li wara li l-Gvern sema’ l-ilmenti tar-residenti Mostin, fehem li l-Kunsill Lokali mhux f’pożizzjoni li jintervjeni f’dawn it-toroq u għaldaqstant tfassal pjan ta’ ħidma mill-aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta.
L-Onor. Borg sostna: “Kemm hu importanti nkomplu nintervjenu fil-komunitajiet, toroq residenzjali fejn jgħixu l-familji Maltin u Għawdxin, fejn għandek in-negozji ż-żgħar, dawk il-ħwienet u allura l-komunità sħiħa. Hawnhekk fil-Mosta se nintervjenu lil hinn mit-toroq li qed nagħmlu madwar il-pajjiż kollu imma għandna proġett ta’ tmintax-il triq fiż-żona tad-Dib hawnhekk li kienet żona minsija għal numru ta’ snin.”
Temm jgħid li dawn ix-xogħlijiet imorru id f’id mal-proġett ta’ seba’ mitt miljun ewro li Infrastruttura Malta qed twettaq fi proġetti kbar li qed jibdlu l-wiċċ ta’ dan il-pajjiż.