Fi Triq Għeriexem fir-Rabat, se jiġu rrilokati aktar minn tnax-il familja sakemm isiru interventi strutturali kruċjali fuq l-istess triq.
Dan l-intervent jagħmel parti minn proġett ta’ erba’ miljun ewro sabiex tiġi riġenerata t-triq kollha, iżda minħabba l-istat ta’ telqa li kienet tinsab fiha t-triq wara deċenji b’nuqqas ta’ rinovar, Infrastruttura Malta ddeċidiet li tirriloka l-familji bħala miżura ta’ prekawzjoni.
Ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, Frederick Azzopardi sostna kif minħabba l-istat ta’ telqa, inħass ukoll xi ċaqliq fit-triq.
Huwa spjega kif il-familji residenti f’din it-triq ma tħallewx fid-dlam dwar is-sitwazzjoni tagħhom hekk kif għaddejjin diskussjonijiet bejn l-aġenzija u l-istess residenti.
Qal, “Il-ħsieb huwa li f’diskussjonijiet mar-residenti, jiġu rilokati ovvjament, bħala Infrastructure Malta tidħol għal dawn l-ispejjeż addizzjonali sabiex jiġu rilokati f’post ieħor imma ovjament fejn tidħol sigurtà huwa mportanti li ma jittieħed ebda sogru.”
Min-naħa tagħha, il-Perit Corinne Dimech, li hija responsabbli ta’ dan il-proġett, tenniet kif din it-triq hija mibnija fuq saffi ta’ blat imxaqqaq u tafli, u għalhekk kien hemm bżonn qawwi li tittieħed azzjoni mill-aktar fis possibbli.
Hija spjegat li dan kollu qed isir għas-sigurtà tar-residenti ta’ din it-triq.
Spjegat, “Prattikament se jkun qed jitkompla x-xogħol li nbeda fil-faċċata jiġifieri t-tħaffir ta’ kolonni tal-konkos li aħna nsejħulhom bħala piles, kif ukoll bejn pile u oħra se jkun qed jimtela’ b’mili tal-konkos biex noħolqu ħajt sħiħ infurzat bejn pile u oħra.”
F’dan il-proġett se jsir ukoll tisbiħ taż-żona permezz ta’ bankina mwessa’ u bankijiet fost l-oħrajn għall-benefiċċju tar-residenti Rabtin.