Il-Ministeru għall-Infrastruttura ċaħad bosta allegazzjonijiet li saru fl-aħħar jiem dwar is-Central Link Project.
Fi stqarrija, il-Ministeru ċaħad li dan il-proġett qed jitwettaq b’mod irregolari minħabba li hemm kawża tal-appell pendenti. Qal li x-xogħol beda wara konferma ċara minn sentenza tal-Qorti, mogħtija fl-aħħar tas-sena li għaddiet.
F’din is-sentenza, il-Qorti speċifikat b’mod ċar li Infrastruttura Malta tista’ bi dritt twettaq dan il-proġett, minkejja l-eżitu tal-appell li hemm pendenti.
Il-Ministeru sejjaħ ukoll bħala gidba l-allegazzjoni li Infrastruttura Malta qalgħet siġar protetti li kellhom jitħawlu mill-ġdid.
Qal li l-ERA stess ikkonfermat ma’ Infrastruttura Malta li l-madwar 20 siġra tal-lewż ma kinux protetti bil-liġi.
Sostna li Infrastruttura Malta mxiet fuq il-pariri tal-esperti ambjentali li qed jiggwidaw il-lant tax-xogħol u ma ħawlithomx mill-ġdid għax kienu milquta minn mard u minħabba f’hekk ma kinux se jsalvaw.
Minkejja li Infrastruttura Malta mhix obbligata tħawwel oħrajn minflokom għax mhumiex protetti, xorta waħda se iżżid l-ammont ta’ siġar tal-lewż ġodda li se tħawwel fl-għelieqi viċin, bi ftehim mal-bdiewa tal-inħawi.
Il-Ministeru temm jappella lil dawk kollha involuti f’dan il-proġett u f’investimenti oħrajn simili biex iwettqu din il-ħidma bl-akbar attenzjoni u b’koperazzjoni sħiħa ma’ dawk kollha konċernati, sabiex Malta tkompli tgawdi minn ambjent aħjar u minn infrastruttura sostenibbli tal-ogħla kwalità.