Tul l-2020 Infrastruttura Malta ħawlet medja ta’ 30 siġra kuljum f’93 post differenti f’36 lokalità f’Malta u Għawdex.
Mindu nediet il-programm nazzjonali ta’ tħawwil ta’ siġar fl-2019, Infrastruttura Malta s’issa żiedet 19,932 siġra indiġena fil-ġnub tat-toroq u f’siti oħrajn urbani u rurali f’Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, is-Sur Frederick Azzopardi fisser: “Filwaqt li konna ħawwilna aktar minn 8,700 fl-2019, qabel l-2020 konna wegħedna li ħa naqbżu din iċ-ċifra. Din is-sena fil-fatt ħawwilna aktar minn 30 siġra kuljum u iva l-wegħda li għamilna li nkomplu nħaddru l-pajjiż żammejnieha.”
L-arboristi u esperti oħra li tqabbad Infrastruttura Malta ħawlu wkoll mas-7,000 arbuxelli ta’ speċi differenti, li wħud minnhom jistgħu anke jiġu kkurati biex jikbru f’siġar.
L-aġenzija kkuntrattat ukoll is-servizzi meħtieġa biex tibqa’ ssaqqi u tmantni is-siġar li ħawlet għal diversi snin, sakemm jaqbdu sew fl-ambjent ġdid tagħhom.
Ħafna mit-tħawwil sar tul toroq arterjali u sekondarji eżistenti jew f’toroq ġodda li qed jinbnew permezz tal-proġetti li qed twettaq l-aġenzija fosthom il-Marsa Junction, dak tal-mini f’Santa Luċija u Central Link Project.
Apparti t-tħawwil ta’ siġar madwar it-toroq Maltin, din is-sena Infrastruttura Malta ħadmet ukoll mal-Arċidjoċesi ta’ Malta biex irriġeneraw il-ġonna tad-Dar tal-Kleru fejn l-aġenzija ħawlet 1,400 siġra fuq firxa ta’ 20,000 metru kwadru ta’ art.
Għall-ewwel darba tul din is-sena, Infrastruttura Malta flimkien ma’ Ambjent Malta installaw ġnien vertikali twil għal mijiet ta’ metri tul il-Marsa-Ħamrun bypass.