Bħala parti mill-Masterplan ta’ ħamsa u tletin miljun ewro għall-Istudios tal-Films f’Malta, ġiet inawgurata Pump House ġdida, li se sservi bħala infrastruttura kruċjali fil-produzzjoni tal-films f’pajjiżna.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan l-ivestiment, fejn inxtegħlet għall-ewwel darba l-Pump House, ġie mfakkar ukoll ġnien għal Narcy Calamatta għall-kontribut li ta lill-industrija tal-films ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo sostna kif wara storja ta’ aktar minn mitt sena ta’ suċċessi għall-industrija tal-films Maltija, dan il-Gvern qiegħed jaħdem qatigħ biex din l-industrija tkompli ssaħħaħ il-fama mondjali tagħha.
Il-Kummissarju għall-Films, Johann Grech elenka l-ħidma li saret fi ħdan l-industrija fl-aħħar snin, u qal li l-Kummissjoni ma beżgħetx tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa anke fi żmien ta’ sfidi, biex issalva l-impjieg ta’ kull min jaħdem f’din l-industrija.
Huwa għalaq billi qal kif l-ewwel mitt sena tal-Industrija tal-films kienu snin tajbin, iżda issa beda l-proċess biex tinbena bażi ġdida għall-mitt sena li ġejjin, biex ġenerazzjonijiet futuri jmexxu industrija tal-films ta’ klassi globali.