L-aġenzija Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma ta’ tindif fil-culverts fit-toroq prinċipali ta’ pajjiżna. Dan kien qed isir qabel Santa Marija, iż-żmien li nkunu qed nistennew li tagħmel l-ewwel xita f’pajjiżna wara staġun xott.
It-tindif tal-culverts, li jsir perjodikament fis-sajf, biex jiġi evitat li, imbagħad, il-maltemp joħloq sitwazzjonijiet ta’ għargħar fit-toroq tagħna u problemi relatati, jinkludi t-tneħħija ta’ materjal li jinġabar fihom, inkluż weraq u zkuk li jaqgħu mis-siġar jew jinġarru mir-riħ.
Kemm-il darba ma jitneħħewx, dawn faċilment joħolqu mblokki għall-passaġġ tal-ilma fis-sistema, waqt li jwassal għal problemi ambjentali anke għall-ilma li jispiċċa fir-riserva tal-ilma ħelu taħt l-art, magħrufa bħala l-water table.
ONE News kien fi Triq Garibaldi fejn ra dan il-proċess mill-ħaddiema tal-aġenzija waqt li kienu qed inaddfu wieħed minn dawn il-culverts prinċipali.
Tkellimna dwar dan mal-Perit ta’ Infrastructure Malta, David Vassallo, fejn spjega l-proċess ta’ kif dan isir.
Qal, “L-ewwel nett jitnaddfu l-kaxxi li naraw b’għajnejna, fejn jinġabar l-ilma u dak li hu l-parti bażika tal-proġett. Però, minbarra minn hekk, aħna nużaw pressured bowsers biex aħna nnaddfu ta’ bejniethom ukoll u fl-aħħar ukoll, nagħmlu CCTV, biex niċċekkjaw li l-culverts huma indaf u allura s-sistema tkun nadifa u tkun lesta biex tilqa’ x-xita.”
Il-Perit spjega li dawn ix-xogħlijiet isiru fl-aktar postijiet li jistgħu jintlaqtu u kapaċi jinġema’ ilma tax-xita, partikolarment toroq arterjali. Fost it-toroq, li għaddej ix-xogħol bħalissa fuqhom hemm Triq il-Kosta, fil-limiti tan-Naxxar, f’Tal-Barrani bejn Ħal Tarxien u ż-Żejtun, f’Ħal Qormi u anke f’Ħaż-Żebbuġ, fost l-oħrajn.
Qal, “Interessanti wieħed jgħid li l-pattern tax-xita nbidel ftit ukoll u x-xita qed tagħmel inqas frekwenti, imma meta tagħmel il-volum ikun aktar. Allura, ċerti sistemi, ovvjament ikunu upgraded maż-żmien. Ovvjament, wieħed jifhem li s-sistema trid tkun nadifa u tkun ippreparata biex tilqa’ l-ilma tax-xita, bl-iskop ewlieni hu, minbarra inkonvenjenza, u jkunu safe għal dawk li jużawhom.”