Infrastructure Malta estendiet il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ toroq residenzjali fiż-żona tas-Sgħajtar fin-Naxxar b’ħames toroq oħra, biex b’hekk ikunu nbnew mill-ġdid mat-tmintax–il triq fiż-żona.
Sa issa tlestew seba’ toroq u tlieta oħra waslu fl-aħħar fażi ta’ xogħolijiet, filwaqt li x-xogħol fuq il-bqija tat-toroq mistenni jintemm fiż-żmien li ġej.
Raphael Abdilla, Direttur Eżekuttiv fi ħdan Infrastructure Malta spjega kif dawn ix-xogħolijiet jikkonsistu fil-bini mill-ġdid tat-toroq. “Ix-xogħol li qed isir mhux biss xogħol ta’ wiċċ ġdid fit-toroq, qed nibnu t-toroq mill-ġdid. Qed nagħmlu pedament tat-toroq mill-ġdid, servizzi ġodda, u anke sistema ta’ ġbir tal-ilma tax-xita.”
Apparti minn hekk qiegħdin jinbnew bankini ġodda u jittejbu s-servizzi taħt l-art.
Abdilla sostna li l-aġenzija taf li dawn ix-xogħolijiet neċessarji joħolqu inkonvenjent għar-residenti, u rringrazzja lir-residenti għall-paċenzja tul ix-xogħolijiet. “Min-naħa tagħna nippruvaw nikkordinaw kemm nistgħu magħhom. Napprezzaw li waqt ix-xogħolijiet ikun hemm inkonvenjent għall-aċċess tal-karozzi, inkonvenjent anke b’bankina li forsi mhix lesta, u trid tħalli aċċess xorta għan-nies”
Dawn ix-xogħolijiet huma parti minn sensiela ta’ toroq residenzjali li ttejbu din is-sena, liema sena rat titjib ta’ aktar minn mija u sitta u disgħin triq.
B’kollox mit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta fl-elfejn u tmintax, l-aġenzija għamlet titjib f’aktar minn tmien mitt triq madwar Malta u Għawdex.