Wara diskussjonijiet ma’ dawk kollha interessati, Infrastructure Malta laqgħet talbiet li għamlulha familji li joqogħdu fi Triq San Ġwann Bosco biex ittejjeb il-pjanijiet għat-triq ġdida skedata li qed tibni bejn din it-triq, Triq id-Daħla tas-Sienja u Sqaq il-MUSEUM, f’Ħad-Dingli.
Infrastructure Malta ppubblikat korrispondenza ma’ rappreżentanti ta’ dawn il-familji, fejn ikkonfermat li laqgħet seba’ talbiet li saru minnhom.
Dawn jinkludu konferma li l-art biswit it-triq ġdida skedata mhix allokata għall-iżvilupp; konferma li mhux se jinqalgħu aktar siġar tal-ħarrub biex tinbena t-triq ġdida; il-limitazzjoni tal-wisa’ tat-triq ġdida għal tmien metri; l-aġġustament ta’ kantuniera ta’ din it-triq ġdida biex tiġi salvata siġra li hemm fil-viċin; il-bini ta’ ħitan tradizzjonali tas-sejjieħ flok ħitan bil-ġebla tal-franka fi Triq San Ġwann Bosco u fit-triq il-ġdida; kif ukoll it-tħawwil t’aktar siġar indiġeni mal-ġenb ta’ din it-triq ġdida. Infrastructure Malta ddiskutiet dawn it-talbiet mal-awtoritajiet konċernati u se tkun qed twettaqhom.
Il-proposta mir-residenti ta’ Triq San Ġwann Bosco għal siġar ġodda mal-ġnub tat-triq ġdida se tiġi diskussa mas-sidien tal-artijiet biswit biex Infrastructure Malta tkun tista’ żżid mill-inqas 12-il siġra indiġena kbar oħra f’dawn l-inħawi.
Fil-korrispondenza tiegħu mar-rappreżentanti tar-residenti, l-Inġinier Fredrick Azzopardi, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, irrimarka li fl-aħħar xhur Infrastructure Malta ltaqgħet ma’ rappreżentanti ta’ resident li jgħixu fit-toroq u l-inħawi kollha tat-triq ġdida skedata. Kellha wkoll diskussjonijiet mal-awtoritajiet kollha applikabbli u mal-Kunsill Lokali.