L-interventi li qed isiru fil-proġett ta’ Triq il-Marfa, bejn ir-roundabout li tagħti għall-Armier u r-roundabout li tagħti għal ta’ Pennellu, jinvolvu infrastruttura li tagħti prijorità lis-sigurtà ta’ dawk li jużawha b’diversi modi, speċjalment għal dawk li jużaw din it-triq bil-pass u bit-trasport pubbliku.
Dan ġie ċċarat fi stqarrija minn Infrastructure Malta s-Sibt filgħodu, b’referenza għal diversi rapporti fil-midja dwar dan il-proġett.
It-triq li kien hemm qabel, la kellha bankini u lanqas spazji ta’ parkeġġ adekwati fuq il-karreġġjata li tagħti għaċ-Ċirkewwa, u b’hekk bosta sewwieqa kienu jipparkjaw il-vetturi tagħhom parzjalment fuq il-korsija tax-xellug b’riskji kbar għalihom u għall-vetturi oħra li jkunu qed isuqu fuq l-istess korsija.
Meta s-sewwieqa u l-passiġġiera kienu joħroġu mill-vetturi tagħhom, ir-riskji li jintlaqtu minn vetturi oħra kien ikun għoli hekk kif kien ikollhom jaqsmu għan-naħa l-oħra tat-triq mingħajr bankina.
Għalhekk ġie deċiż illi l-parkeġġ għandu jkun fil-biċċa l-kbira tiegħu fuq in-naħa tal-bajja. Għalhekk, il-prijorità kienet li wieħed jimmasimizza l-ispazji tal-parkeġġ minħabba li l-Għadira hija destinazzjoni mfittxija minn ħafna, speċjalment fis-sajf.
Il-karreġġjata li tagħti għaċ-Ċirkewwa qiegħda għat-telgħa u għalhekk jagħmel sens li jkun hemm żewg korsiji ħalli wieħed ikun’ jista jgħaddi minn fejn vetturi kbar.
Il-karreġġjata li tagħti għall-Belt għandha partijiet b’korsija waħda għax qiegħda għan-niżla. Il-wisa’ totali tal-karreġjata mis-central strip sal-parking hija ta’ ħames metri u nofs, biex tippermetti żewġ vetturi kbar jgħaddu biswit xulxin.
Fis-central strip ser jitħallew ukoll spazji, biex f’każ ta’ emerġenza, wieħed ikun jista’ jgħaddi t-traffiku għall-karreġjata opposta b’mod ikkontrollat.
Dawn l-interventi qed isiru ma’ investiment ta’ madwar 8 miljun ewro b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra, f’żona li ilha ma tara investiment ’il fuq min 30 sena.
Infrastructure Malta innotat li huwa ta’ diżappunt li wieħed jinnota stqarrijiet bla bażi u responsabbilità li jwarrbu għal kollox il-bżonn li tinħoloq infrastruttura iżjed sigura.
L-istqarrija temmet tgħid li l-aġenzija se tkompli twettaq il-viżjoni tal-Gvern għal titjib fl-inrastruttura, u tieħu l-miżuri neċessarji biex kull min juża l-akkwati jagħmel dan bl-inqas riskji possibbli.