Infrastructure Malta bdiet ix-xogħol fuq il-proġett taż-żewġ mini ta’ Santa Luċija b’investiment ta’ 20 miljun ewro.
Iż-żewġ mini, li se jitħaffru taħt ir-roundabout b’tul ta’ 90 metru se jgħaqqdu ż-żewġ karreġġjati ta’ Vjal Santa Luċija ma’ Triq Tal-Barrani.
Fuq dawn il-mini, se terġa’ tinbena r-roundabout eżistenti b’disinn ġdid li jipprovdi aċċess eħfef u aktar sigur lir-residenti ta’ Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien.
Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid b’disinn imtejjeb tal-mogħdija għall-ġiri li hemm fil-qrib, titjib tas-subway ta’ Triq tal-Barrani biex tkun aċċessibbli wkoll għaċ-ċiklisti u persuni b’diżabilità, kif ukoll korsija ġdida għar-roti li se tgħaqqad Santa Luċija mal-Marsa.
L-aġenzija żiedet tgħid li qed taħdem id’ f’id mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi l-Era sabiex l-impatt ekoloġiku fiż-żona jkun mill-inqas.
Filfatt kull siġra li ser tinqala ser jerġgħu jitħawwlu f’postijiet oħra fil-viċinanzi inkluż mal-mogħdija tal-ġiri l-ġdida.
Dan mhux kollox hekk kif tul il-rotta tal-istess proġett se jitħawlu aktar minn 750 siġra indiġena b’riżultat li meta jitlesta’ l-proġett iż-żona ser tkun qed tinkludi 300 siġra iktar milli hemm llum.
Apparti dan se jitħawlu 1,257 siġra oħra fil-Park tal-Majjistral, fil-Mellieħa, fil-Magħtab, in-Naxxar u f’Marsascala, bħala kontribuzzjoni addizzjonali għal dan il-proġett.
Il-proġett mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla flimkien mal-proġett tal-Marsa Junction.