Matul il-lejl li għadda, l-aġenzija Infrastructure Malta tellgħet f’postha l-ewwel struttura minn sebgħa li se jiffurmaw il-gverta tal-proġett tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection, li se toffri korsija diretta minn Ħal Luqa lejn il-Mini ta’ Ħal Kirkop.
Din il-flyover ġdida ħdejn l-Ajruport se tkun twila 400 metru u magħmula minn seba’ biċċiet tal-azzar li jiżnu 300 tunnellata.
Dan se jkun qed isir b’investiment ta’ €18-il miljun u l-maġġoranza tax-xogħol f’din il-fażi intensiva se tkun qed issir matul il-lejl.
Dan il-proġett se joffri konnessjonijiet eħfef u aktar siguri lejn il-lokalitajiet ta’ Ħal Luqa, il-Gudja, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, ż-Żurrieq u Ħal Safi kif ukoll inħawi oħrajn fil-viċinanzi.
Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tar-roundabout tal-Gudja biex jintroduċi mina ġdida lejn Birżebbuġa u faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar. Se jtejjeb ukoll l-aċċess lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Malta Freeport, żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija.
Ftit sigħat wara li tpoġġiet din l-ewwel struttura fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia qal li ż-żewġ proġetti flimkien se jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar sa 74% f’kull direzzjoni tul din ir-rotta. B’dan il-proġett ambizzjuż qed naraw li mhux biss inkomplu nsaħħu l-konettività madwar pajjiżna iżda anke ntejbu s-sigurtà fit-toroq.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej, Chris Bonett qal li qiegħed isir b’investiment €25.6 Miljun, li minnhom kważi €22 Miljun huma fondi Ewropej. Dr Bonett irrimarka li xhieda tal-importanza ta’ dan il-proġett l-Kummissjoni Ewropea allokat aktar fondi lill-Infrastructure Malta sabiex dawn jitwettqu.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon qal kif fil-ġimgħat li ġejjin se naraw dan il-proġett jibda jieħu l-forma tiegħu.



