B’investiment ta’ seba’ miljun ewro, l-aġenzija Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma ta’ tħammil f’diversi żoni tal-Port il-Kbir.
Dan bil-għan li jkomplu jtejbu l-attivita kummerċjali fil-Port il-Kbir, partikolarment billi jinħolqu aktar faċilitajiet għal vapuri kbar.
Dan ix-xogħol ta’ tħammil qed isir fejn hemm il-faċilitajiet għall-irmiġġ u anki qed jitneħħa materjal ikkontaminat minn qiegħ il-baħar.
Dan se jfisser li diversi partijiet li jinsabu fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-Port il-Kbir se jsiru aktar aċċessibbli għal vapuri akbar, kemm tal-passiġġieri kif ukoll dawk li jġorru l-merkanzija.
Qabel beda t-tħammil fil-Port il-Kbir sar stħarriġ biex jiġi identifikat x’hemm f’qiegħ il-baħar kif ukoll taħtu. Saru wkoll studji ġeotekniċi u anki ġew eżaminati kampjuni tal-materjal li hemm fl-inħawi qabel dan jittella’ minn qiegħ il-baħar.
Spjegat x’qed jiġri mill-materjal li qed jinġabar, il-Kap tat-Taqsima Marittima ta’ Infrastructure Malta, Janice Borg.
Qalet, “Il-materjal qed jiġi seperat f’dak li hu materjal bħal tyres, ħbula u ħadid, u oħrajn qed jitpoġġew fuq barkun ieħor, filwaqt li l-ħama per se tibqa’ fuq id-dragger biex tiġi esportata lejn il-Portugall.”
Il-perit responsabbli minn dan il-proġett, Raphael Abdilla sostna li dan il-proġett huwa wieħed differenti minn dak tas-soltu.
Intqal kif fix-xhur li ġejjin, Infrastructure Malta se tvara wkoll il-proġett biex jitkabbru l-mollijiet għall-vapuri tal-passiġġieri fix-Xatt ta’ Pinto.
Qal, “Dan huwa proġett ieħor fil-Port il-Kbir, li bid-differenza ta’ proġetti oħrajn m’aħniex se naraw proġett strutturali li jkun jista’ jiġi apprezzat viżibilment, bħal meta ħa nestendu l-Pinto 4 u 5, u proġetti oħra, biex inkunu nistgħu ndaħħlu bastimenti akbar u hekk inkomplu l-kummerċ fil-Port il-Kbir.”
Żar il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, li qal kif dan il-proġett jingħaqad ma’ proġetti oħra li qed isiru fil-Port il-Kbir.
Qal, “Il-fond ħa jiżdied minn seba’ metri għal għaxar metri biex b’hekk inkunu nistgħu nakkomodaw dawn il-vapuri, anki għaliex qed naħdmu fuq tkabbir fil-mollijiet, biex inkomplu nattiraw iktar investiment lejn pajjiżna. Flimkien ma’ hemm il-proġett tax-Shore-to-Ship, €50 miljun biex noffru enerġija nadifa f’din iż-żona, kif ukoll il-proġett il-kbir tar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, biex hawnhekk din iż-żona ssir ċentru marittimu ta’ eċċellenza.”
Dan il-proġett ta’ tħammil fil-Port il-Kbir se jkun lest sa tmiem din is-sena.