Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma estensiva, permezz ta’ manutenzjoni fuq diversi toroq madwar pajjiżna, matul il-lejl. Din il-ħidma, li bdiet f’Novembru, se tibqa’ għaddejja sa Mejju li ġej u qed issir biex timmina l-ħsara li tkun ġarrbet l-infrastruttura.
Matul dawn is-seba’ xhur se jkunu saru xogħlijiet f’34 triq fuq medda ta’ 13-il kilometru.
Infrastructure Malta għamlet ukoll manutenzjoni f’partijiet differenti tal-wiċċ ta’ Triq Mikiel Anton Vassalli, inkluż fil-parti li tmiss mal-pont tas-Swieqi. Dawn ix-xogħlijiet, mifruxin fuq diversi jiem, jinkorporaw ħidma fuq iż-żewġ karreġġjati.
Minkejja li mhemm l-ebda periklu imminenti fuq il-pont l-antik tas-Swieqi, dan se jkun fil-qofol ta’ dawn ix-xogħlijiet, hekk kif se jkun qed jitneħħa u minfloku se jsiru strutturi ġodda, li jiffaċilitaw l-aċċess lejn iż-żoni tas-Swieqi u San Ġiljan – kemm għall-vetturi kif ukoll dawk li jgħaddu bil-pass.
L-applikazzjoni għal dan il-proġett f’żona kruċjali f’pajjiżna ġiet sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar.