L-aġenzija Infrastructure Malta għaddejja bl-aħħar xogħlijiet ta’ proġett ta’ tisħiħ u manutenzjoni ta’ Triq l-Indipendenza bejn il-Furjana u Tal-Pietà.
Fi stqarrija, l-aġenzija qalet li s-sena li għaddiet ksiet mill-ġdid il-karreġġjata fid-direzzjoni lejn il-Belt Valletta, fil-ġimgħat li għaddew tlestew xogħlijiet meħtieġa fis-sistemi taħt l-art; fosthom tisħiħ ta’ sistema kontra l-għargħar f’dawn l-inħawi u cables ġodda tal-elettriku.
Intqal kif fil-jiem li ġejjn, Infrastructure Malta se tlesti dan il-proġett billi ssaħħaħ il-pedamenti tal-karreġġjata fid-direzzjoni lejn Tal-Pietà u tiksiha mill-ġdid bl-asfalt.
Infrastructure Malta spjegat kif il-fażi li bdiet illum hija ppjana li tkun lesta sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa. Dan filwaqt li l-proġett kollu huwa ppjanat li jkun lest qabel il-11 t’Awwissu.
Ix-xogħlijiet ta’ uċuħ ġodda li qed isiru mill-aġenzija f’din it-triq u l-madwar ġew ippjanati għal wara li ntemmet is-sena skolastika u anki biex ma jaħbtux m’attivitajiet tal-massa li saru fil-ġimgħat li għaddew fuq il-Fosos tal-Furjana.
Ġie spjegat kif fl-aħħar sigħat, Infrastructure Malta flimkien ma’ Transport Malta ħadmu flimkine biex inaqqsu l-inkonvjent permezz ta’ ftuħ ta’ korsiji temporanji ġodda.
It-tkomplija tax-xogħlijiet se jkunu qed isiru mal-ħinijiet kollha tal-ġurnata, fosthom anki billejl, bil-għan li jitlestew fil-perjodu skedat.