Il-Kummissjonarji Elettorali avżaw illi huma ser ikunu fl-Uffiċċju tagħhom fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, biex jirċievu nomini ta’ kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali bħala Membri tal-Kamra tad-Deputati mid-9.00 a.m. sas-13:00 ta’ wara nofsinhar u mit-15:00 ta’ wara nofsinhar sas-19:00 ta’ filgħaxija, nhar il-Ħamis il-11, l-Ġimgħa t-12 u s-Sibt it-13 ta’Mejju, 2017.
Il-kandidati huma avżati li jridu jippreżentaw il-karta tal-identità tagħhom u li l-parti ta’ fuq tal-formola tan-nomina għandu jkollha d-dettalji tal-kandidat skont kif jidhru fir-reġistru elettorali li se jkun ippubblikat fis-6 ta’ Mejju, 2017. F’każ li l-formola tan-nomina tiġi ppreżentata mir-rappreżentant tal-kandidat, ir-rappreżentant għandu jġib prokura mill-kandidat li tkun speċifika u awtentikata minn nutar pubbliku.
Il-formoli ta’ applikazzjoni għan-nomini ta’ kandidati jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali mil-lum u matul il-ġranet tan-nomini fil-ħinijiet imsemmija.
Oġġezzjonijiet għan-nomini jintlaqgħu ukoll fl-imsemmi Uffiċċju mill-Kummissjonarji, fil-ġranet u matul il-ħinijiet speċifikati għan-nomini kif ukoll nhar il-Ħadd l-14 u t-Tnejn 15 ta’ Mejju, 2017, fl-istess ħinijiet.