Hekk kif il-festival annwali Notte Bianca jissokta nhar is-Sibt l- 1 ta’ Ottubru, l-kumitat responsabbli u anke l-Pulizija ħeġġu lill-pubbliku biex jużaw it-trasport pubbliku u s-servizz tal-ferry. Huma appellaw biex dawk il-persuni li se jużaw il-vetturi privati tagħhom jipparkjaw barra l-Belt Valletta minħabba l-aċċess limitat li se jkun hemm fil-belt kapitali.
F’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-loġistika tan-Notte Bianca, il-Pulizija flimkien mal-organizaturi ħeġġu lill-pubbliku biex kemm jista’ jkun jevitaw li jġorru ħafna affarijiet personali magħhom, sabiex jiġu evitati każi ta’ pick pocketing. Huwa appellaw ukoll lill-ġenituri biex ipoġġu l-kuntatti tagħhom fuq karta jew tag biex f’każ li jintilfu, l-Pulizija jsibuha faċli biex jikkuntattjawhom.
Il-pubbliku jista’ jsib aktar informazzjoni dwar il-loġistika ta’ dan il-festival permezz ta’ APP fuq il-mobile, li l-għan ewlieni tagħha huwa li s-sigurta’ tal-pubbliku tkun imħarsa.
Din is-sena l-festival mhux se jkun mifrux mal-belt Valletta biss, iżda anke f’xi inħawi tal-Kottonera fi spettaklu ta’ mużika.