Nhar is-Sibt li ġej f’Jum l-Elezzjoni, iċ-ċentri tal-votazzjoni għal min hu pożittiv għal COVID-19 jew fi kwarantina mandatorja żdiedu għal sitta.
Kull minn ser ikun pożittiv jew fi kwarantina sa nhar il-Ġimgħa li ġej fid-disgħa ta’ filgħaxija għandu jmur jivvota f’dawn iċ-ċentri minflok fil-kamra tal-vot kif imniżżel fid-dokument tal-vot.
Fiċ-Ċentru ta’ Smart City se jkunu qed jivvutaw dawk tat-tieni u r-raba’ distrett.
Fiċ-Ċentru tal-MCAST f’Raħal Ġdid se jivvutaw dawk tal-ewwel u s-sitt distrett.
Fiċ-Ċentru ta’ Ħal Far se jivvutaw dawk tat-tielet u l-ħames distrett.
Fiċ-Ċentru ta’ Ta’ Qali se jivvutaw tas-seba’ u l-ħdax-il distrett.
Fiċ-Ċentru ta’ Pembroke se jivvutaw dawk tal-għaxar u t-tnax-il distrett.
Fiċ-Ċentru tal-Life Sciences Park f’San Ġwann se jivvutaw dawk tat-tmien u d-disa’ distrett
Filwaqt li fiċ-Ċentru tax-Xewkija se jivvutaw dawk tat-tlettax-il distrett.
Intant, fadal l-aħħar jumejn biex wieħed jiġbor id-dokument tal-vot tiegħu. Dokument li permezz tiegħu wieħed ikun jista’ jeżerċitta d-dritt tal-vot tiegħu nhar is-Sibt 26 ta’ Marzu li ġej.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista, Louis Gatt, qal li l-ġbir tad-dokumenti tal-vot jibqa’ għaddej tul il-jiem tal-Erbgħa u l-Ħamis.
Qal, “Il-ħinijiet huma bejn it-08:00 ta’ filgħodu u s-1:00pm imbagħad ikompli bejn it-3:00pm u 9:00 ta’ bil-lejl. Il-Ħamis imbagħad ikun sa nofsilejl. Importanti l-persuna tieħu l-karta tal-identità magħha. Jekk persuna għal xi raġuni tilfet il-karta tal-identità, hemm sistema ta’ Identity Malta ġewwa n-Naxxar stess sabiex dik il-persuna joħorġula karta tal-identità temporanja u b’dik il-karta tiġbor id-dokument tal-vot.”
Gatt qal li dawk li nqabdu fi kwarntina mandatorja u għadhom ma ġabrux id-dokument tal-vot, il-Kummissjoni Elettorali sa tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex twassalulom fir-residenza tagħhom. Għal dan l-arranġament wieħed għandu jċempel lill-Kummissjoni Elettorali fuq 22261010 jew inkella l-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista fuq 20901531 jew 20901528.
Qed issiru arranġamenti wkoll għal dawk li ntilfilom id-dokument tal-vot.
Qal, “Jistgħu jordnaw dokument tal-vot speċjali mill-Ufiċċini tal-Kummissjoni Elettorali fin-Naxxar u l-aħħar ċans li jistgħu jagħmlu dan sa nhar l-Erbgħa fid-9:00pm. Għalhekk inġeġġeġ biex wieħed jaċċerta fejn poġġa d-dokument tal-vot.”
Intant, il-Ħamis isir it-tielet rawnd ta’ votazzjonijiet, fejn se ssir il-votazzjoni fl-erba’ sptarijiet ewlenin f’pajjiżna għal dawk li kienu rikoverati sat-Tnejn li għadda.
Qal, “Jekk inti ħriġt mill-isptar wara dik id-data, int trid tmur tivvota fl-isptar. Jekk int dħalt l-isptar wara dik id-data, id-data tal-votazzjoni hi s-Sibt 26 ta’ Marzu.” F’dawn il-każijiet, l-amministrazzjoni tal-isptar se tieħu ħsieb li dawn il-pazjenti jitwasslu fil-post tal-votazzjoni fil-lokalità rispettiva li għandu fuq id-dokument tal-vot.