Fadal tnax-il elf u tliet mitt dokument tal-vot x’jinġabru hekk kif mit-Tnejn bdew jitqassmu miċ-Ċentru tal-għadd tal-voti fin-Naxxar għall-Maltin, u mill-uffiċċju tal-karti tal-identità fir-Rabat Għawdex għall-Għawdxin. F’kummenti ma’ ONE News, il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt spjega l-aħħar dettalji b’rabta mal-ġbir tal-voti.
Huwa qal li n-nies għandhom l-aħħar ċans biex jiġbor id-dokument tal-vot tiegħu. Il-ħinijiet huma mit-8.00 sas 14.00 imbagħad mit-15.00 sad-21.00. L-aħħar ġurnata li fiha jista’ jinġabar il-vot huwa l-Ħamis u dakinhar il-vot jista’ jinġabar sa nofsillejl.
Min għal xi raġuni tilef id-dokument tal-vot jew inkella tqattalu jista’ jmur fl-istess uffiċini sabiex japplika għal dokument tal-vot speċjali. Il-Kummissjoni Elettorali tipprovdi dokument tal-vot speċjali ieħor biex ikunu jistgħu jivvotaw bih. Jekk il-persuna ssib il-vot li tkun tilfet ma tkunx tista’ tivvota bih u fil-jum tal-elezzjoni trid tuża dan il-vot speċjali.
Intant, nhar il-Ħamis li ġej ser issir l-elezzjoni fl-isptarijiet Mater Dei, Sir Anthony Mamo, Karen Grech, Mount Carmel u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn il-pazjenti ser ikunu mitluba jivvutaw fl-istess sptar li huma rikkoverati fih.
IL-ĦAMIS L-1 TA’ ĠUNJU
IL-VOTAZZJONI SSIR F’DAWN L-ISPTARIJIET:
MATER DEI
SIR ANTHONY MAMO
KAREN GRECH
MOUNT CARMEL
SPTAR ĠENERALI TA’ GĦAWDEX
Il-pazjenti rikoverati f’dawn l-isptarijiet se jkunu jistgħu jivvotaw bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u l-għaxra ta’ filgħaxija.
VOTAZZJONI FL-ISPTARIJIET
Il-ĦAMIS L-1 TA’ ĠUNJU
BEJN IS-7:00AM U L-10:00PM
Dawk li sat-Tnejn 29 ta’ Mejju fis-18.00 kienu għadhom reġistrati f’wieħed minn dawn l-isptarijiet huma mitluba li jmorru jivvotaw fl-isptar rispettiv. Dan anke jekk pazjent ikun ħareġ mill-isptar wara nhar t-Tnejn.
Jekk kemm-il darba persuna tidħol l-isptar wara nhar it-Tnejn, din xorta trid tivvota fil-post hekk kif indikat fuq id-dokument tal-vot. Madankollu ser ikun hemm trasport u għajnuna għal dawn il-pazjenti sabiex jittieħdu mill-Isptar għall-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
L-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista javża li dawk kollha li għandhom bżonn kull tip ta’ għajnuna jew trasport nhar l-elezzjoni ġenerali għandhom jikkuntattjaw lill-istess uffiċju fuq freephone 80072250.
UFFIĊJU ELETTORALI
PARTIT LABURISTA
FREEPHONE
80072250