Wara li żewġ Rumeni tressqu l-Qorti akkużati li waħlu kameras ma’ ATMS ta’ banek lokali u sussegwentament ġibdu l-flus minn numru ta’ karti ta’ kreditu, il-Bank of Valletta fi stqarrija spjega li se tkun qed tkompli bil-monitoraġġ tagħha biex tiproteġi l-klijenti tagħha u tieħu l-miżuri preventivi kollha neċċessarji.
Il-BOV ikkonferma ukoll li l-ATMs tagħha qed joperaw normali u li s-servizzi ma ġewx affettwati.
Ir-Rumeni allegatament ġibdu madwar €16,000. Hu mifhum li permezz ta’ kameras żgħar li waħħlu, allegatament ir-Rumeni kisbu informazzjoni dwar il-pin numbers tal-karti ta’ kreditu biex imbagħad ġibdu l-flus minn madwar tnax-il ATM madwar Malta.
Kollox ħareġ fl-beraħ meta persuna rraporta ma’ bank lokali li rċieva messaġġ li kien għadu kif ġibed xi flus meta filfatt ma kien ġibed xejn.
Ir-Rumeni ġew arrestati mill-pulizija wara ħidma intensiva u t-tnejn li huma nstabu quddiem ATM jiġbdu l-flus. Huma tressqu l-Qorti mixlija bi frodi, ħasil ta’ flus u li kienu involuti fi kriminalità organizzata fost l-oħrajn.