F’dan l-aħħar xahar kienu identifikati diversi każi tal-influwenza tat-tjur (Avian flu) fit-tramuntana u ċ-ċentru tal-Ewropa, kemm fi tjur selvaġġ u kif ukoll f’irziezet tat-tiġieġ fejn fil-preżent, Malta mhux ikkunsidrata bħala ta’ riskju għoli.
Dan minħabba r-rotot migratorji staġjonali tal-ispeċi tat-tjur selvaġġ kkunsidrati bħala l-iktar probabbli li jġorru l-virus, imma il-pożizzjoni ġeografika tagħha hija tul waħda mir-rotot migratorji prinċipali bejn l-Ewropa u l-Afrika, u għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċifika sabiex jiġu evitati kuntatti bejn tjur selvaġġ u tjur tal-irziezet.
Il-virus identifikat huwa HPAI H5N8 virus li kien ikkawża, f’diversi okkażjonjiet, mard fit-tjur matul il-perjodu ta’ migrazzjoni tal-għasafar fl-2014/15. Il-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Influwenza tat-Tjur ikkonkluda li l-virus għadu prinċipalment virus tal-għasafar mingħajr ebda affinità speċifikament aktar għolja għall-bniedem.
L-awtoritajiet veterinarji tal-Istati Membri affetwati (Ungerija, Awstrija, Ġermanja, Danimarka, Svezja, Franza, Polonja u l-Olanda) addottaw miżuri ta’ kontroll sabiex jillimitaw il-firxa potenzjali tal-marda. Il-livell ta’ għarfien żdied ukoll f’pajjiżi fejn il-marda kienet misjuba biss fi tjur selvaġġ, li l-maġġor parti nstabu mejta fuq xtut il-baħar u lagi (Kroazja, Finlandja, Rumanija u Żvizzera).
Id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali għolla l-livelli tiegħu ta’ viġilanza u tejjeb il-preparamenti għal azzjoni immedjata f’każ tal-introduzzjoni tal-marda. Sabiex ikunu implimentati azzjonijiet effettivi, kwalunkwe każ ta’ numru għoli ta’ mwiet f’għasafar selvaġġ u tjur ta’ natura suspettuża għandu jkun notifikat lill-awtoritajiet veterinarji.