Fir-Rabat bħalissa għaddejin il-preparamenti biex nhar il-Ħadd li ġej f’Jum Corpus Christi terġa’ tintrama l-infjorata – użanza Taljana li f’pajjiżna daħlet 150 sena ilu, madankollu biż-żmien kienet inqatgħet għalkollox.
Kien il-Kumitat Festi Esterni Corpus Domini u San Pawl li s-sena l-oħra ħa l-inizjattiva li din terġa’ tibqa’ ssir propju f’Jum il-Festa Prinċipali tar-Rabat Corpus Christi, biex is-sagrament ikun jista’ jgħaddi minn fuqha bl-akbar qima.
L-infjorata hija tapit magħmul kollu kemm hu mill-fjuri u li prattikament huwa evoluzzjoni ta’ dak li kien issir matul dawn l-aħħar snin fejn kienu jintefgħu ammont ta’ fjuri mat-toroq li minnhom ikun ser jgħaddi s-Sagrament.
Infjorata bħal dik tar-Rabat tirrekjedi ħafna xogħol u dedikazzjoni minn għadd ta’ voluntiera li matul dawn l-aħħar xhur iltaqgħu biex ifasslu d-disinn. Iżda fuq kollox trid il-professjonalità u sengħa tal-arranġament tal-fjuri.
Il-Festa ta’ Corpus fir-Rabat issir ikbar minn f’ postijiet oħra dan minħabba r-rabta li hemm bejn is-Santissimu Sagrament u l-Patrun tar-Rabat San Pawl.
Dan għaliex matul it-tliet xhur li San Pawl dam fostna kien jaqsam l-Ewkaristija propju mill-qalba tar-Rabat dik li llum hija magħrufa bħala l-grotta ta’ San Pawl.