Fl-Għarb Għawdex ittellgħet infjorata fil-pjazza bit-tema ‘Nilqgħukom fostna Għarb Għawdex’, biex jintwerew il-prospettivi ġodda wara ż-żmien tal-COVID-19 u kulħadd jibqa’ pożittiv fix-xhur li ġejjin.
Din tħaddmet mill-Grupp volontarju Infjoraturi Għarb, li għandu rabtiet ukoll mal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Infjorata. Id-disinn tal-infjorata ta’ din is-sena sar mis-Sur Michael Bajada.
Is-Sindku tal-Għarb David Apap Agius spjega li din is-sena l-infjorata saret bil-melħ ikkulurit.
Huwa spjega: “Għamilnieha bil-melħ minħabba restrizzjonijiet li kienu imposti u ma stajniex naħdmu fil-viċin, u ridna nsibu mezz biex niċċelebraw il-festa, inżommu t-tradizzjoni tal-infjorata, inżommu wkoll ir-regolamenti u d-dettalji li tawna d-Dipartiment tas-Saħħa.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li din l-infjorata se sservi ta’ attrazzjoni turistika, hekk kif issa fetaħ ukoll l-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Fil-fatt hemm il-ħsieb li din tibqa’ għall-wiri tul is-sajf.
Il-Ministru Camilleri qal: “Però aktar minn hekk ukoll se tilqa’ lit-turisti li se jkunu qed iżuru lil Għawdex, partikolarment ir-raħal tal-Għarb.”
Ritratti: MGOZ