Fiċ-Ċina saret nefqa rekord mit-turisti għaċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mas-sena l-ġdida lunari, li saħansitra qabżet il-livelli ta’ qabel il-pandemija.
Ċifri uffiċjali juru kif l-infiq mit-turiżmu domestiku biss, qabeż is-sebgħa u tmenin biljun dollaru Amerikan; li jfisser kważi ħamsin fil-mija iżjed meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet saru wara snin ta’ lockdowns u restrizzjonijiet minħabba l-pandemija, li tneħħew biss fil-bidu tas-sena l-oħra.
Iċ-ċifri juru wkoll li għall-bidu tas-Sena tad-Dragun, saru aktar minn erba’ mija u erbgħa u sebgħin miljun vjaġġ domestiku fil-pajjiż.