Tnieda t-tielet edizzjoni tal-Premju għall-Arti, premju li jagħti ġieh xogħlijiet eċċellenti u li jkunu taw kontribut fis-settur kreattiv ta’ pajjiżna. Il-premju, fuq inizjattiva tal-Kunsill Malti għall-Arti, se jkun taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, Dr. George Vella.
Fl-indirizz tiegħu, il-President George Vella rrefera għall-element ta’ demokratizzazzjoni tal-arti, u kif mill-mod ta’ kif il-poplu jivvota, wieħed jista’ jqabbel kemm il-poplu Malti hu miexi ‘l quddiem fl-apprezzament tal-arti. Il-President temm bl-apprezzament tiegħu lejn dawn it-tip ta’ inizjattivi.
Il-pubbliku se jkun jista’ jinnomina persuni jew organizzazzjonijiet bħala apprezzament lejn x-xogħol artistiku tagħhom li ttella’ matul l-istaġun tal-2018 u 2019. Ir-rebbieħa ta’ dan il-premju se jiġu ppreżentati bi trofew li għal din is-sena se jkollu dehera ġdida b’disinn tal-artist Kane Calì.
Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, enfasizza l-importanza li għandu l-Premju għall-Arti, għaliex b’hekk jiġi rikonoxxut xogħol artistiku li l-aktar li jispikka. Il-Ministru Bonnici qal li l-Gvern qed jaħdem biex ikompli jsaħħaħ ix-xena kulturali fil-gżejjer Maltin.
Dan il-premju se jkollu 10 kategoriji kompettitivi fosthom: Artist tas-Sena, Produzzjoni tas-Sena, l-Aqwa Intrapriża Kreattiva, u Premju għall-Innovazzjoni. Il-Premju għall-Arti se jagħti wkoll tliet unuri mhux kompetittivi: l-Unur għall-Karriera Artistika, l-Unur għall-Promoturi Kulturali u l-Unur għall-Wirt Artistiku.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, spjega kif minn din is-sena l-Kunsill għamell pass ulterjuri għaliex se jkun qed jindirizza udjenza akbar sabiex tinnomina aktar produzzjonijiet u artisti.
Iċ-ċerimonja, se tittella’ f’April tas-sena dieħla u l-proċess tan-nominazzjoni jinsab miftuħ fuq www.premju.mt, u jagħlaq fil-15 ta’ Novembru 2019.