Mill-ewwel jum tal-ftuħ għall-applikazzjonijiet għall-korsijiet tat-tagħlim tul il-ħajja, kienu bosta li mlew l-applikazzjoni biex isegwu wieħed minn 405 kors f’77 suġġett differenti, li jinkludu suġġetti vokazzjonali.
Ivan Cassar, missier ta’ żewġt itfal kien wieħed minn 7 elef ruħ li s-sena li għaddiet reġa’ qagħad fuq il-bank tal-iskola biex segwa kors fis-suġġett tal-fiżika.
Ma’ One News qal li dan għenu mhux biss biex jitgħarraf aktar dwar is-suġġett iżda wkoll biex jgħin lil uliedu fl-istudji tagħhom.
Cassar stqarr: “Dan il-course għenni ħafna biex nkun nista’ ngħin lit-tfal, it-tifel speċjalment għadu l-iskola qed jagħmel is-suġġett li tgħallimt jiena din is-sena u kont ħafna ta’ għajnuna għalih biex fejn jeħel nkun nista’ ntih l-għajnuna tiegħi li nkun tgħallimt jien stess tul din l-aħħar sena.”
F’konferenza tal-aħbarijiet, f’wieħed minn 8 Ċentri tat-Tagħlim Tul il-Ħajja fl-Msida, id-Direttur għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, Alex Farrugia qal li fil-ħajja qatt mhu tard biex titgħallem.
Qal li l-korsijiet ivarjaw għal dawk li jridu jtejbu l-ħiliet bażiċi fil-qari, kitba, fil-matematika u fil-kompjuter. L-applikanti jistgħu jitgħallmu wkoll 11-il lingwa differenti jew isegwu korsijiet biex itejbu l-karriera u li joffru gwida għal ħajja aktar b’saħħitha. Is-suġġetti jinkludu wkoll aktar minn 20 kors differenti għal dawk li jixtiequ jtejbu l-ħiliet kreattivi tagħhom.
Apparti dan semma li din is-sena, l-applikanti jistgħu jieħdu togħma tal-korsijiet li jixtiequ jsegwu.
Is-Sur Farrugia stqarr: “L-idea ta’ course tasters kienet għax ħafna nies jaħsbu li jixtiequ jagħmlu xi kors għall-adulti imma ma jkunux jafu x’qed jistennew u biex ngħinuhom din il-ġimgħa kollha għandna il-course tasters biex jiġu u jippruvaw lezzjoni ta’ 3 sigħat, f’oqsma differenti. Ovvjament l-idea hi li wara mbagħad japplikaw għal korsijiet magħna bħala Lifelong Learning.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo qal li l-edukazzjoni ma tiqafx fi tmiem l-edukazzjoni obbligatorja u sostna li tul is-snin, il-livell ta’ korsijiet tul il-ħajja, mhux biss żdied imma wkoll tjieb fil-kwalità.
L-applikazzjonijiet se jkomplu jintlaqgħu sas-7 ta’ Awwissu li ġej.