Fit-telgħa tas-Saqqajja, infetħet uffiċjalment l-Imnarja, bl-attivitajiet kollha marbutin ma’ din il-festa pubblika u nazzjonali, minsuġa bl-elementi differenti tal-kultura Maltija.
Din infetħet mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo.
Il-kalendarju mżewwaq ta’ attivitajiet jinkludi, fost l-oħrajn, il-prodotti tal-bdiewa u tar-raħħala, ir-reliġjon, logħob tradizzjonali Malti, snajja’, u għana.
Il-Ministru Anton Refalo ddeskriva l-Imnarja bħala l-akbar festa agrarja tas-sena, li hija mera tal-bżulija tar-raħħala u tal-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Barra minn hekk, din hija pjattaforma għall-prodotti tal-istess bdiewa u r-raħħala.
Il-Ministru Refalo elenka wkoll il-ħidma li wettaq il-gvern f’dan is-settur, fosthom ir-Riforma tal-Qbiela, l-iskemi finanzjarji biex itaffu mill-piżijiet li ġabet magħha x-xena internazzjonali, u miljuni ta’ ewro minn Fondi Ewropej li minnhom se jgawdu l-bdiewa u raħħala.
“Din is-sena qed tiġi ċċelebrata b’mod aktar estensiv, fejn għamilna diversi miżuri bħat-trasport. Għamilna wkoll tinda biex il-kompetizzjonijiet jiġu ċċelebrati mhux f’ġurnata waħda imma tul ħamest ijiem.”
Jum l-Imnarja, il-Ħamis, se jibda permezz ta’ quddiesa l-Buskett fis-sitta ta’ filgħodu.
Wara, se jkun hemm bosta kompetizzjonijiet u esebizzjonijiet, logħob tradizzjonali, kant, daqq tal-għana, rokna ta’ ritratti b’temi tradizzjonali, u anke diversi premjijiet.