Issa li Triq Tas-Sejba fl-Imqabba tinsab miftuħa mill-ġdid għat-traffiku wara xogħlijiet estensivi li saru f’parti minnha, hemm sentiment ferm pożittiv li t-traffiku se jkun mexxej fl-inħawi magħrufa bħala “lil hinn mill-mina”.
Fuq il-post fejn saru x-xogħlijiet, ONE News iltaqa’ mas-Sindki tal-Imqabba u tal-Qrendi, li t-tnejn innutaw li dan il-proġett se jkun ta’ benefiċċju kbir għal dawk li jridu joħorġu mill-inħawi jew jidħlu fihom.
Is-Sindku tal-Imqabba, Grace Marie Zerafa, qaltilna li l-Kunsill tal-Imqabba għamel pressjoni sabiex dawn ix-xogħlijiet isiru u li l-esperti wrew li issa din it-triq għandha sservi għal snin twal mingħajr perikli.
Hi stqarret, “Bla dubju se tkun qed tgħin it-triq, għax minflok il-vetturi se joqogħdu jgħaddu mill-qalba tar-raħal jew anke minn taħt il-mini ta’ Ħal Kirkop, issa n-nies se jgħaddu minn din in-naħa u jduru lejn ta’ Kandja. Jiġifieri se tkun aktar ta’ sostenn anke għall-vetturi kbar li ta’ kuljum jgħaddu għall-barrieri. Nifhmu wkoll l-inkonvenjent li ġab miegħu x-xogħol, kemm għar-residenti kif ukoll dawk li jiffrekwentawha, iżda hawnhekk wieħed irid jifhem li sabiex jitneħħa l-periklu li kien hawn kien hemm bżonn li jsir xogħol immedjat.”
Fil-fatt, ta’ min ifakkar li x-xogħlijiet saru b’emerġenza mill-Infrastructure Malta, b’investiment ta’ aktar minn miljun u ħames mitt elf ewro, minħabba li kienet ċediet it-triq.
l-aġenzija wettqet xogħlijiet biex tinbena mill-ġdid din it-triq, li tul is-snin spiċċat sofriet ħsarat estensivi. Inbniet ukoll struttura indipendenti għal din it-triq b’pedamenti msaħħa.
Xogħlijiet oħra ta’ dan il-proġett jinkludu kumnikazzjonijiet tad-drenaġġ, tat-telekomunikazzjoni, u tal-elettriku mill-ġdid, qabel it-tqegħid ta’ wiċċ ġdid tal-asfalt.
Intant, kif tħabbar fil-jiem li għaddew u kif innota s-Sindku tal-Qrendi, David Michael Schembri, it-Triq tas-Sejba se sservi ta’ rotta alternattiva għal dawk li jridu jmorru lejn Ħal Qormi, wara li ngħalqet temporanjament il-flyover tal-Proġett tal-Luqa Junction sakemm isiru xogħlijiet.
Hu qalilna, “Din lilna solvitilna ħafna problemi għax kienet relief road għal min irid jivvjaġġa mit-Tramuntana għan-naħa t’isfel ta’ Malta u l-valur tagħha huwa prezzjuż. Kienu jużawha wkoll bħala rotta alternattiva għall-proġett ta’ Ħal Luqa u lilna kienet qed tgħinna biex inneħħu t-traffiku li kien jgħaddi minn Triq is-Siġġiewi fil-Qrendi.
Iż-żewġ Sindki, fuq kollox, irringrazzjaw lit-tmexxija tal-Infrastrucure Malta u l-Ministeru għall-Infrastruttura, filwaqt li nnutaw ukoll il-kollaborazzjoni li kien hemm bejn il-Kunsilli tal-Imqabba, tal-Qrendi u anke tas-Siġġiewi sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent fuq ir-residenti.