Infermiera ta’ 41 sena mill-Indja weġġgħet gravi wara argument ma’ infermier ieħor fl-Isptar Mater Dei.
Fi stqarrija mill-Pulizija, intqal li ġiet informata dwar dan l-argument għall-ħabta tas-7:15 tal-bieraħ filgħaxija.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, fejn f’ward sabu l-mara b’xi ġrieħi f’idha, allegatament ikkawżati minn strument li jaqta’ u bil-ponta. Intqal li l-allegat aggressur, infermier Indjan ukoll ħarab minn fuq il-post.
Fi stqarrija oħra mill-Pulizija ntqal li Indjan ta’ 36 sena ġie arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Sadanittant, stqarrija separata mill-Isptar Mater Dei, qalet li qed jikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija biex jiżguraw investigazzjoni bir-reqqa u trasparenti.
Intqal li dan l-aġir hu kompletament inaċċettabbli u ma jirriflettix il-valuri li jittieħdu b’serjetà kbira fl-isptar ġenerali Malti.
“L-Isptar Mater Dei jibqa’ impenjat li jżomm ambjent sigur u rispettuż għall-impjegati u l-pazjenti kollha tiegħu u qed nieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex nindirizzaw din is-sitwazzjoni b’mod xieraq”, temmet tgħid din l-istqarrija.