Il-Qorti ordnat lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u lit-Tabib Prinċipali tal-Gvern sabiex jagħtu kumpens ta’ €7,000 lil infermiera li kienet ngħatat żewġ transfers li kkawżawlha trawma.
Il-każ imur lura għall-2008 meta wara ħmistax-il sena servizz fis-sala tat-tfal Fairyland fl-Isptar San Luqa, l-infermiera kienet ngħatat transfer u ntbagħtet fil-klinika tal-ajruport.
Fil-Qorti nstema’ kif meta ntbagħtet l-ajruport, l-amministrazzjoni tal-post ma rrikonoxxewx it-transfer u baqgħu ma ħarġu l-ebda permess lill-mara biex tkun tista’ tidħol fiż-żoni ristretti tal-ajruport. Instema’ wkol kif fil-klinika tal-ajruport ma kienx hemm l-ebda post vakat għal infermiera u l-mara ma kienx hemm bżonnha.
Wara seba’ xhur hija nħarġilha transfer ieħor, din id-darba lejn l-isptar Monte Carmeli. Hawnhekk, wara sena reġgħet intbagħtet lura lejn l-ajruport.
Fix-xhieda tagħha, l-mara qalet li sostniet li f’Monte Carmeli ġiet esposta għal kundizzjonijiet inaċċettabbli waqt li fl-ajruport sofriet “abbużi fiżiċi, morali u psikoloġiċi”. Hawnhekk psikjatra xehed li l-infermiera sofriet diżbbiltà permanenti ta’ 5%.