Raġel ta’ 32 sena minn Tal-Pietà ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti b’akkuża ta’ vjolenza domestika.
Viżibilment emozzjonat fl-awla, tant, li nfaqa’ jibki quddiem il-Maġistrat Yana Micalled Stafrace, ir-raġel affaċċja akkużi li għamel użu mhux xieraq ta’ tagħmir elettroniku, u kkawża biżà fuq mara li se tintuża l-vjolenza kontriha. Fl-istess ħin huwa kien mixli li kiser ordni tal-protezzjoni li kienet tat il-Qorti biex ma jikkuntattjax lill-vittma.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi, u d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba, u qalet li l-akkużat kien diġà ngħata żewġ ordnijiet ta’ protezzjoni minn Marzu s’issa, u kisirhom. Kien innutat ukoll li l-Pulizija kkonfermat waqt il-ħin tal-arrest li r-raġel ma segwiex il-ħin li fih kellu jkun id-dar, tant, li ma kienx id-dar meta l-Pulizija marret għalih.
Il-Qorti ordnat li r-raġel ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest.