Girlanda tal-fjuri li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia mar iqiegħed quddiem tifkira tal-blogger Daphne Caruana Galizia fil-Belt, kompliet toħroġ fil-beraħ il-qasma bejn il-fazzjoni ta’ Delia u l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Dan wara li grupp mill-fazzjoni ta’ Busuttil warrab fil-ġenb il-girlanda li Delia poġġa quddiem it-tifkira li għamlulha f’għeluq is-sena mill-qtil tagħha fil-Belt.
Saħansitra għattew il-kliem “Kap tal-Oppożizzjoni” minn mal-girlanda bl-aħħar messaġġ tal-blogger li fil-mira tiegħu kien hemm ukoll il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Il-Kap Nazzjonalista mar ipoġġi l-girlanda ftit tas-sigħat qabel il-manifestazzjoni tat-Tlieta filgħaxija. Iżda lanqas kienet għadha għebet ir-riħa tal-fjuri li l-girlanda ma spiċċatx fit-tarf tal-monument.
Din l-azzjoni urtat lil bosta fosthom lill-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Dione Borg. Fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, tella’ żewġ ritratti juru l-girlanda mgħottija bi kliem il-blogger, u qal li b’obbligu kien qed jikkundanna lil dawk li neħħew il-kliem “Kap tal-Oppożizzjoni”.
Dan wassal għal barax ta’ kritika minn-Nazzjonalisti ta’ Delia li esprimew l-għadab tagħhom għal dan il-ġest mill-fazzjoni magħrufa li tagħti l-appoġġ kollu tagħha lil Busuttil.
Tant li wħud minnhom qalu li dawn li ma jridux min imissilhom ix-xemgħa u l-fjuri, tgħidx kemm ċemplulhon biex jattendu għal viġilji u l-attivitajiet.
Fost dawn l-eks Sindku tar-Rabat Rudolf Grima li stqarr li dawn li jippriedkaw dwar il-libertà tal-kelma spiċċaw joħonqu lil dawk li ma jabqlux magħhom.
Oħra stqarret li wara l-ġest ta’ Delia ħasset li kellha tattendi għall-manifestazzjoni. Iżda dlonk lebbtet minn fuq il-post wara li semgħet lill-eks president tal-moviment nisa tal-Partit Nazzjonalsita Marion Pace Axiaq tirreferi għal Simon Busuttil bħala Kap tal-Partit u ma tlissinx kelma dwar Delia.
Fl-istess waqt sosntew li dak li seħħ huwa sinjal ċar li n-nies ta’ Busuttil ma jridux jaċċettaw l-id tal-ħbiberija għax l-għan aħħari tagħhom hu li jerġgħu jieħdu kontroll tal-Partit Nazzjonalista.