Il-Ħadd filgħodu l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech mar fil-każin Nazzjonalista ta’ Ħaż-Żebbuġ u f’intervista ma’ NET News infexx f’aktar diskors fuq l-inizjattiva tal-Gvern favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel.
Huwa qal li bit-tielet patt soċjali fl-aħħar snin, il-Gvern qed ineħħi t-tfarfir taż-żebgħa.
U dan qalu b’referenza ċara fuq inizjattiva li ġabet stabbiltà fil-prezz ta’ aktar minn 400 prodott essenzjali tal-ikel.
“Qed jipprova jikkumbatti l-problema tal-umdità ġod-dar. Ineħħi t-tfarfir taż-żebgħa u jerġa’ jiżbogħ fuqu. Hekk qed jagħmel il-Gvern.”
Id-dikjarazzjoni ta’ Grech fuq l-inizjattiva ‘Stabbiltà fil-prezzijiet’ tingħaqad ma’ dik tad-Deputat Nazzjonalista Ivan J. Bartolo, li rewwaħ politika tad-dwejjaq kontra l-inizjattiva li ġabet stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel.
“Ma tistax toħroġ hemm barra u lin-negozjant tgħidlu ara x’se tagħmel ħa traħħas il-prezzijiet.”
F’Ħaż-Żebbuġ, Bernard Grech kompla juri l-inkonsistenzi fil-Partit Nazzjonalista f’dak li jgħid f’Malta u fi Brussell.
Dan għaliex dwar d-direttiva Ewropea bl-isem ta’ ‘Fit for 55’, li se timpatta lis-settur tal-importazzjoni, jgħid mod f’Malta, iżda l-istess Partit Nazzjonalista jitkellem mod ieħor dwar din il-leġislazzjoni.
Fil-fatt Roberta Metsola kienet iddeskriviet id-direttiva li tolqot il-qasam tal-merkanzija bħala “a key legislation”.
Roberta Metsola: “Key pieces of legislative files.”
Dwar din il-leġislazzjoni li dwarha l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jilgħab logħob partiġjan flok ifittex l-interess nazzjonali, il-Partit Laburista kien innota wkoll li l-Oppożizzjoni tibqa’ mehdija fil-politika tal-imgħoddi, għax li tiġbed il-ħabel favur l-interess nazzjonali hi xi ħaġa li ma tgħallmet tagħmilha qatt.