L-industrija tal-films illum qed tkun waħda ta’ suċċess, li mhux biss tkompli tattira aktar produzzjonijiet u investimenti lejn pajjiżna, imma anke qed toħloq impjiegi ġodda.
Hekk sostna l-Kummissarju għall-Films Johann Grech meta mistoqsi minn dan l-istazzjon dwar it-triq ’il quddiem f’din l-industrija f’pajjiżna.
Grech tenna li din is-sena se tkun waħda rekord, b’iżjed minn 20 produzzjoni s’issa u fejn bħalissa hawn mal-elf u ħames mitt persuna rreġistrati bħala impjegati mal-industrija tal-films. Minn dawn 900 huma full time.
Hu saħaq ukoll li qed iħares ’il quddiem biex ikomplu jiżdiedu l-impjegati f’din l-industrija wara ż-żieda sostanzjali fl-aħħar snin.
Qal, “L-industrija tal-films qed tkun industrija ta’ suċċess. Qed nattiraw iktar produzzjonijiet, qed ninvestu aktar u l-investiment qiegħed iġib aktar investiment. Qed noħolqu aktar jobs, qed naraw aktar nies ġejjin minn industriji oħrajn li qed jingħaqdu magħna.”
Intant l-editorjal tal-ġurnal L-Orizzont ukoll innota din il-qabża kbira li qiegħda tesperjenza din l-industrija, b’mod speċjali f’dawn l-aħħar snin.
Bit-titlu “Investiment li jrendi mhux spiża” il-fehma tal-ġurnal enfasizza kif l-investiment miżjud sarraf mhux biss f’impatt ekonomiku pożittiv, iżda wkoll bħala reklam mill-aqwa għal pajjiżna.
L-Orizzont jagħmel aċċenn ukoll għall-Mediterrane Film Festival li ttella’ ftit tal-jiem ilu u li kompla jitfa’ lil Malta fil-mappa dinjija.
L-editorjal saħansitra jsejjaħ lil dan l-avveniment bħal vetrina li wriet il-faċilitajiet li għandu pajjiżna għall-ġbid tal-films.
Fid-dawl tal-ewwel edizzjoni ta’ dan il-festival il-Kummissarju għall-films Johann Grech qal li b’kollox f’dan il-festival ħadu sehem ’il fuq minn 3,000 parteċipant, b’diversi atturi, produtturi u diretturi ta’ fama dinjija, fost l-oħrajn.
Qal, “Hu festival fejn nistgħu ngħidu li ħa jkun paripassu ma’ festivals oħrajn barra minn Malta. Hi pjataforma li tkompli ssaħħaħ id-dehra ta’ pajjiżna barra minn Malta. L-għan tagħna hu wieħed, li nġibu aktar xogħol”.
Bħalissa din l-industrija qiegħda tkompli tevolvi, fejn, fost l-oħrajn, fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed joħroġ it-tender għall-bini ta’ sound stage għall-produzzjonijiet tal-films kif ukoll se jitkompla l-masterplan ta’ ħamsa u tletin miljun ewro għall-Malta Film Studios.
Qal, “Inkomplu naraw li l-industrija tal-films tkun waħda sostenibbli li tħalli aktar riżultati, għax irridu li din l-industrija tkun waħda ta’ suċċess daqs l-aktar industriji ta’ suċċess f’pajjiżna. Irridu nkomplu noħolqu l-jobs, irridu naraw li nattiraw aktar porduzzjonijiet biex verament din l-industrija tal-films tkun waħda world class f’pajjiżna”.