Il-parlament Indoneżjan approva kodiċi kriminali ġdid li se jagħmel is-sess barra ż-żwieġ reat kriminali, punibbli sa sena ħabs. Il-kodiċi kriminali l-ġdid mhux se jidħol fis-seħħ għal tliet snin oħra, u japplika kemm għall-Indoneżjani kif ukoll għall-barranin.
Dawn l-emendi huma parti minn diversi liġijiet ta’ “moralità” li jagħmluha illegali li koppji mhux miżżewġin jgħixu flimkien u jagħmlu s-sess. Barra minn hekk, l-emendi jinkludu projbizzjoni kontra insulti lill-president u kontra l-ideoloġija tal-istat.
Dawn huma parti minn sensiela ta’ bidliet li qed ikunu ikkritikati minn madwar id-dinja, għax imorru kontra d-drittijiet tal-bniedem. Gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem qed jgħidu li dan jaffettwa b’mod sproporzjonat lin-nisa, lin-nies LGBT u lill-minoranzi etniċi fil-pajjiż, u dimostranti qed jorganizzaw manifestazzjonijiet żgħar barra l-parlament f’Jakarta.