Permezz ta’ direttiva ġdida, Malta għandha leġiżlazzjoni li tindirizza l-prattiċi kummerċjali inġusti li hemm fil-katina tal-provvista tal-ikel.
Dan kien spunt fost diskussjoni twila li saret f’laqgħa tal-Kunsill tal-Ministru għall-Agrikoltura fi Brussell bis-sehem tal-Ministru għall-Agrikoltura u s-Sajd, Anton Refalo.
Din il-leġiżlazzjoni se ttejjeb il-protezzjoni tal-produtturi żgħar tal-ikel kif ukoll bejjiegħa ta’ negozji żgħar. Dawn ivarjaw minn numru ta’ prattiċi kummerċjali inġusti li jinkludu l-industriji, in-negozji u x-xerrejja minħabba li huma ferm aktar b’saħħithom finanzjarjament.
Waqt l-istess laqgħa ġew diskussi u nnegozjati l-kwoti tas-sajd għas-sena d-dieħla, fosthom dawk tat-tonn, tal-pixxispad u tal-gambli.
Tul il-laqgħa ġew approvati l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-pjan ta’ kontinġenza biex ikunu żgurati l-provvista u s-sigurtà tal-ikel fi żminijiet ta’ kriżi.
Qal, “approvajna wkoll pjan ta’ kontinġenza għar-rigward il-provvista u s-sigurtà tal-ikel f’każ ta’ kriżi. Fl-istess ħin aħna wrejna wkoll apprezzament lill-presidenza talli wriet il-vulnerabbiltà tal-gżejjer żgħar bħal Malta u Għawdex.”
Dan il-pjan mistenni jinkludi diversi miżuri fosthom kif l-Unjoni Ewropea tista’ ttejjeb il-komunikazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-istati membri fi żminijiet ta’ kriżi.
Il-Ministru Refalo esprima t-tħassib dwar is-sitwazzjoni diffiċli li jinsab fiha s-settur tal-majjal, fejn iddiskuta wkoll iż-żieda kostanti fil-prezz tal-għalf, li qed tikkawża tħassib kbir fost il-produtturi tal-bhejjem.
Minħabba f’hekk, Malta appellat u enfasizzat mal-Kummissjoni biex tikkunsidra li toffri għajnuna diretta lir-raħħala biex itaffu mill-ispejjeż żejda li qed jaffaċċjaw.