F’attività li saret fil-Mużew Marittimu ta’ Malta, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Owen Bonnici, indirizza numru ta’ entitajiet responsabbli mill-wirt patrimonjali Malti li huma parti mill-E-RIHS.eu.
Din l-istruttura ta’ riċerka tikkonsisti fi sħubija bejn tlettax-il pajjiż, fosthom Malta, u tinvolvi aktar minn mitt istituzzjoni tax-xjenza tal-wirt patrimonjali mill-Ewropa kollha.
Hija tappoġġja r-riċerka dwar ix-xjenza tal-wirt, u fost l-oħrajn, tagħti aċċess lir-riċerkaturi tal-wirt għal għarfien espert, informazzjoni, laboratorji u tagħmir ieħor ta’ livell għoli.
L-għan huwa li faċilitajiet Ewropej ewlenin fid-dinja jkunu integrati f’organizzazzjoni bi rwol ewlieni fis-settur tax-xjenza tal-wirt globali.
Il-Ministru Bonnici qal li l-Gvern se jkompli joffri l-appoġġ meħtieġ biex jiġi assigurat li kollaborazzjoni bħal din issir dejjem aktar in-norma, u mhux l-eċċezzjoni.
Stqarr, “L-esperti Maltin ingħaqdu flimkien u qegħdin jipparteċipaw flimkien ma’ entitajiet Ewropej fi proġett li jismu E-RIHS, li huwa proġett ta’ riċerka fejn jidħol il-qasam patrimonjali, riċerka xjentifika, u aħna rridu nkomplu mmexxu ’l quddiem it-talent tal-Maltin biex jesebixxu dak li kapaċi jagħmlu hekk kif jaħdmu flimkmien ma’ counterparts Ewropej.”